Artiklu miktub mill-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, Frank Zammit.
Il-perjodu bejn l-888 u l-1046, magħruf minn bosta storiċi bħala s-Seculum Obscurum, jikkostitwixxi wieħed mill-aktar kapitli kontroversjali u mċajpra fl-istorja tal-papat. Din il-fażi, li spiss tiġi deskritta bħala “is-seklu mudlam,” kienet ikkaratterizzata minn involviment politiku intens, korruzzjoni morali u kontroll qawwi minn familji nobbli fuq il-ħatra u l-amministrazzjoni tal-papiet.
Wara l-mewt ta’ Karlu l-Kbir u l-frammentazzjoni tal-Imperu Karolingu, l-istabbiltà fl-Ewropa kienet imħassra b’mod serju. F’din l-atmosfera ta’ insigurtà politika, il-papat tilef ħafna mill-awtonomija tiegħu u sab ruħu dipendenti fuq il-protezzjoni u l-intervent ta’ poteri sekulari. F’Ruma, il-familji aristokratiċi, b’mod partikolari t-Theophylacti u aktar tard it-Tusculani, ħadu kontroll effettiv tal-ħatriet papali, ħafna drabi b’mezzi mhux leġittimi.
Wieħed mill-episodji simboliċi ta’ dan il-perjodu kien il-ħakma ta’ Marozia, mara b’influwenza politika kbira li kienet