L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi ngħaqad fil-kantaliena ta’ dawk li qed ikomplu jattakkaw il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment u ma ħamlux il-ġid li ġġenera għall-ġid tas-soċjetà kollha.
Wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u d-dikjarazzjoni tal-Gvern li se jirriforma l-iskema tal-passaporti biex tkun konformi mas-sentenza u b’hekk tkun tista’ tissokta, simili bħal pajjiżi oħrajn Ewropej, l-eks Prim Ministru Nazzjonalista, li baqa’ magħruf li, “bil-qalb kollha”, għakkes lill-poplu bl-agħar kontijiet, qabbel dan mal-ġrajja Bibblika fejn Ġuda ttradixxa lil Kristu għal tletin biċċa tal-fidda.
Insista li “mhux ta’ b’xejn li kollox sar jgħaddi qiesu xejn mhu xejn”.
Li ma qalx Gonzi hu li ibnu stess, Paul, bħall-Avukat Edward Debono wkoll, hu impjegat mad-ditta ta’ avukati Fenech & Fenech Advocates, li inzertat hi aġenta tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.
Kif iddikjara l-avukat ta’ Bernard Grech stess, ħadd ma jista’ jippretendi li, għax jattakkaw l-iskema governattiva, ma jpappux huma wkoll minnha.
Hu fatt magħruf li l-aġenti lokali jirċievu eluf kbar ta’ ewro bħala kummissjoni għal kull applikazzjoni valida.
Kif żvelat minn ONE News diġà, f’din l-ipokrezija kollha Nazzjonalista wkoll issemmew id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, li l-kumpanija li jaħdem magħha, Valletta Legal, tippromwovi u tassisti lill-klijenti biex ikunu eliġibbli għall-iskema, waqt li l-kumpanija ta’ Malcolm Mifsud, li wkoll kien parti mill-Eżekuttiv Nazzjonalista, hi akkreditata bħala aġenta biex tressaq kandidati prospettivi barranin.
Ironikament, bħal Gonzi, dawn ukoll jagħmlu parti mill-fazzjoni estremista tal-establishment Nazzjonalista li, sa mit-twelid tal-programm fl-2015, mexxew kruċjata kontra Malta. Dan sar anke permezz tal-Ewroparlamentari Roberta Metsola u David Casa minn Brussell.
Issa l-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-missjoni tiegħu ta’ qerq barra minn xtutna, l-aqwa li jkasbar u jagħmel l-akbar ħsara possibbli lil pajjiżna.
Din il-ġimgħa stess, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, ir-rappreżentanti tiegħu se jkomplu jattakkaw il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment waqt dibattitu li hu diġà skedat.