Matul l-aħħar ġimgħa, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ospitat 15-il tifel u tifla Ukreni għal bootcamp ta’ sebat ijiem, esperjenza li laqtithom fil-qalb u ħalliet impatt profond. It-tfal ġew minn żoni affettwati mill-gwerra fl-Ukrajna – ħafna minnhom tilfu lil missierhom jew ilhom xhur ma jarawh minħabba l-kunflitt.
Mill-ewwel mument f’Malta, ġew milqugħa bi mħabba u attenzjoni. Qattgħu ġimgħa f’ambjent sigur u serħan fejn l-istorbju tal-gwerra inbidel f’dik tal-ferħ. Żaru diversi postijiet kulturali u edukattivi bħall-Imdina, il-Mużew tal-Istorja Naturali, l-Akwarju Nazzjonali, u ċ-Ċentru tax-Xjenza f’Bighi. Ħadu sehem f’workshops fil-Mdina Glass, Mediterranean Ceramics u żaru fabbrika taċ-ċikkulata. Ma naqsetx lanqas esperjenza ma’ l-annimali u mixjiet fil-kampanja.
Fost il-mumenti l-aktar emozzjonanti kien tour bid-dgħajjes minn Marsaxlokk u żjara fil-Mercury Tower, fejn setgħu jaraw Malta minn fuq. Għamlu wkoll ġurnata f’Għawdex u ħadu sehem f’attivitajiet bħal bowling, cinema u logħob fl-ilma.
Din kienet esperjenza terapewtika mibnija fuq l-imħabba, l-empatija u s-solidarjetà. Għall-ewwel kienu magħluqin, iżda ftit ftit fetħu qalbhom u tbissmu mill-ġdid. Malta għalihom saret xbieha ta’ paċi u tama.