Bil-konklavi sabiex ikun elett il-Papa li jmiss, skedati li jibdew nhar is-7 ta’ Mejju, aktar minn 60,000 Taljan intefgħu jilgħabu ‘Fantapapa’, logħba onlajn ispirata minn Fantacalcio u Fantasanremo li fiha persuna trid tagħżel tim ta’ kardinali li jaħsbu li għandhom l-akbar ċans li jiġu eletti papa.
Biex wieħed jipparteċipa, irid jagħżel 11-il kardinal fejn dak li jkun maħsub bħala l-aktar papabbli jinħatar il-kaptan filwaqt li min għandu lanqas ċans ikun assenjat it-titlu ta’ goalkeeper.
Meta wieħed ikun għażel it-tim u min jaħseb li se jkun papa, irid ukoll jiddikjara jekk il-prijoritajiet tiegħu jaħsibx li se jkunu progressivi jew konservattivi, f’liema ġurnata se jkun elett il-papa u kemm-il darba se jivvutaw il-kardinali biex jaslu għad-deċiżjoni.
Kull tbassir korrett ikun assenjat punti biex fl-aħħar ikun stabbilit ir-rebbieħ.
Il-kreaturi ta’ din il-logħba qalu li ddeċiedew li joħolqu Fantapapa għax l-ispekulazzjoni dwar min se jkun il-papa li jmiss hija l-aktar suġġett diskuss bħalissa.
Filwaqt li l-proċess tal-konklavi huwa wieħed sigriet u għalhekk diffiċli biex wieħed jasal għal x’se tkun l-aħħar għażla tal-kardinali, dan mhux qed iwaqqaf lill-parteċipanti milli jagħżlu l-favoriti tagħhom.
S’issa l-aktar li ntgħażlu huma s-Segretarju tal-Istat Pietro Parolin, segwit mill-Arċisqof ta’ Bologna Matteo Zuppi u l-Kardinal Filippin Luis Antonio Tagle.