Il-Ħadd filgħaxija, il-grupp ta’ ribelli Houthi fil-Yemen ħabbar li kien qed jimblokka l-ispazju tal-ajru ta’ Iżrael bħala azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jespandi l-operazzjoni militari tiegħu fil-Medda ta’ Gaza.
Fi trażmissjoni mxanndra fuq il-mezzi tal-midja tagħhom, il-kelliem tal-grupp, il-Brigadier Ġenerali Yahya Saree, appella lil-linji internazzjonali tal-ajru sabiex jieħdu din it-twissija bis-serjetà sabiex tkun imħarsa s-sigurtà tal-passiġġieri hekk kif dan l-imblokk daħal fis-seħħ b’mod immedjat.
Huma żiedu jgħidu li kienu se jasseddjaw ripetutament l-ajruporti ta’ Iżrael, inkluż dak internazzjonali ta’ Ben Gurion qrib Tel Aviv, hekk kif ma kienux se jaċċettaw dak li qed jimponi Iżrael fuq l-Istati Għarab speċjalment fil-Lebanon u s-Sirja.
Dan il-messaġġ twassal wara li l-Houthi tefgħu missila fl-ajruport internazzjonali li laqtet triq prinċipali ta’ aċċess ftit qabel mal-Kabinet tal-Ministri ta’ Iżrael kellhom jivvutaw sabiex jintensifikaw l-operazzjonijiet militari f’Gaza bis-sejħa ta’ għexieren ta’ eluf ta’ truppi riservi.
B’risposta għal dan il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li pajjiżu kien se jirritalja kontra r-ribelli Houthi wara l-attakk fuq l-ajruport Ben Gurion li ħalla 4 persuni feruti ħafif. Il-Ministru tad-Difiża, Israel Katz, ħalef li “kull min jipprova jweġġagħna aħna npattuhulu għal seba’ darbiet”.
Sadanittant kienu diversi l-linji internazzjonali tal-ajru li ssospendew it-titjiriet tagħhom lejn Tel Aviv.