Quddiem attendenza ferm numeruża, fl-ewwel semi-finali tal-Final Four, Birkirkara kisbu l-passaġġ għall-finali tant mistennija ta’ nhar is-Sibt filgħaxija meta b’mod drammatiku għelbu lil Sleima Wanderers bl-iskor ta’ 1-0 wara l-ħin barrani. B’hekk, issa se jkunu qed jaffrontaw lir-rebbieħ tal-konfront bejn Floriana u Hamrun Spartans li se jkun qed jintlagħab it-Tnejn filgħaxija fis-7.15pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Qabel il-partita, il-coach ta’ Sliema Wanderers Paul Zammit ingħata memento wara li rebaħ l-unur tal-VBET Coach tax-Xahar għal April 2025.
Kien biss fit-23 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Birkirkara jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Alex Satariano indirizza cross li sab lil-iskorer prolifiku Brażiljan Maxuell Maia li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata tajjeb mill-goalkeeper Niġerjan tal-Wanderers, Kelvin Emeka Agu.
Sliema wieġbu tliet minuti wara meta Mohamed Awad qabeż tajjeb lil Pablo Leonel Gaitan qabel kellu cross insidjuż li ġie interċettat tajjeb mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara, Giacomo Volpe.
Huma komplew jippressaw u fit-43 minuta l-iskorer prolifiku Sloven Vito Plut kellu xutt b’saħħtu mill-viċin li ġie devjat f’corner minn difensur tal-Istripes.
Fil-51 minuta Sliema tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Wescley Matos Da Silva għadda tajjeb lejn Mohamed Awad li kellu t-tentattiv mill-viċin tiegħu salvat bi bravura minn Volpe b’siequ.
Fis-77 minuta, il-coach Taljan ta’ Birkirkara, Stefano De Angelis kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom id-difenusr Bulgaru Tomislav Papazov li kein qed ikollu logħba ferm tajba fil-qalba tad-difiża, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Luis Mario Mina Cordova.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem id-90 minuta, bil-partita jkollha tmur għall-ħin barrani.
Kien biss lejn tmiem l-ewwel taqsima tal-ħin barrani li ġiet reġistrata l-azzjoni denja ta’ nota sussegwenti eżattament fil-105 minuta, bi Sliema jkunu huma li joħolqu l-periklu meta s-sostitut Kyrian Nwoko ttanta xortih permezz ta’ xutt dijagonali fil-baxx li iżda ntemm ftit barra.
Huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u fil-115-il minuta, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Gustavo Alcino, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra, bl-Istripes jeħilsuha ħafif.
Iżda kellhom ikunu Birkirkara li jiskorjaw il-goal tar-rebħ b’mod drammatiku fil-120 minuta mata MAXUELL MAIA kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa u lill-paritarji numerużi ta’ Birkirkara.
Referee: Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Mohamed Awad (Sliema W.)