Iżjed esponenti tal-Partit Nazzjonalista, li jattakkaw lill-Gvern dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, anke issa wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar jiem, qed jinkixfu li huma stess jew kumpaniji li jaħdmu magħhom huma saħansitra aġenti jew jippromwovu l-istess bejgħ tal-passaporti.
Hu fatt magħruf li l-aġenti lokali jirċievu eluf kbar ta’ ewro bħala kummissjoni.
F’dan il-baħar ta’ ipokrezija, fejn l-istess Nazzjonalisti kienu komdi jdaħħlu eluf kbar minn fuq kull applikazzjoni ta’ barranin eliġibbli fl-iskema, diġà nqabad Edward Debono, l-Avukat ta’ Bernard Grech, kif żvelat minn ONE News is-Sibt.
Debono hu mpjegat mal-kumpanija tal-eks President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista, Ann Fenech, Fenech & Fenech, li hi rreġistrata bħala aġent tal-programm ta’ ċittadinanza.
Fl-aħħar jiem, f’kummenti fuq il-midja soċjali, hu attakka l-iskema u ma staħax jammetti li din serviet biex ikollhom dħul tajjeb ħafna minnha bħala aġenti.
Miegħu issa jingħaqdu wkoll id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott u Malcolm Mifsud, li wkoll kien parti mill-Eżekuttiv Nazzjonalista.
Ironikament ilkoll jagħmlu parti mill-fazzjoni estremista tal-establishment Nazzjonalista li, sa mit-twelid tal-programm fl-2015, mexxew kruċjata kontra Malta. Dan sar anke permezz tal-Ewroparlamentari Roberta Metsola u David Casa minn Brussell.
Is-Sibt filgħodu, wara kollegament fuq ir-Radju tal-Knisja mid-Deputat Darren Carabott fejn attakka l-iskema, id-Deputata Laburista Ramona Attard kixfitu li l-kumpanija, li hu impjegat magħha, jiġifieri Valletta Legal, ukoll tippromwovi l-istess skema tal-passaporti, kif indikat fuq is-sit tagħha stess.
“Il-punt tiegħi, biex bdejt jien, għandi kull rispett lejn Darren Carabott bħala avukat u kollega fil-Parlament. Imma ma nitkellmux hawn fuq prinċipji meta naħdem f’ditta ta’ avukat li tgħid ‘our team of experienced lawyers will provide comprehensive legal support throughout your journey, from initial consultation to the successful acquisition of residency or citizenship.”
Id-Deputata tal-PL, Ramona Attard
Minbarra hekk, fil-programm ‘Ħadt l-Aħbar’, li janalizza l-gazzetti l-Ħadd filgħodu fuq TVM, Malcolm Mifsud, li waqqaf il-kumpanija Mifsud & Mifsud Advocates, kompla fejn ħallew sħabu l-estremisti fil-Partit Nazzjonalista u attakka l-programm ta’ ċittadinanza.
Minkejja dan, Malcolm Mifsud hu wkoll aġent akkreditat għall-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment u allura kien eliġibbli biex jiggwadanja ħafna wkoll minnha.
Sadanittant, fl-estremiżmu tagħhom, esponenti oħrajn Nazzjonalisti qabblu lil dawn l-istess aġenti akkreditati kemm ma’ traffikanti tad-droga, kif għamel id-Deputat Mark Anthony Sammut it-Tlieta fil-Parlament, jew ma’ kriminali li jwettqu hold-up f’bank, kif iddikjara d-Deputat Toni Bezzina l-Ħadd filgħodu wkoll fuq il-midja Nazzjonalista.
Ta’ min jinnota li, mill-iskema, il-pajjiż daħħal mal-€1.4 biljun biex iffinanzja fost l-aktar kawżi ġusti, bħall-pagi tal-ħaddiema fil-COVID-19 u proġetti, inkluż dawk ta’ Puttinu Cares f’Londra u l-Hospice Malta f’Santa Venera, jew ix-xiri tal-każini tal-banda li kienu se jiġu żgombrati.
Sadanittant, f’reazzjoni għal dak ir-rapport li smajna, id-Deputat Darren Carabott qal li “Valletta Legal m’għandha l-ebda liċenzja biex tbigħ il-passaporti fl-iskema tal-IIP u wisq inqas hemm xi referenza għal dan fuq is-sit elettroniku tal-istess ditta legali. Anzi hemm il-kontra, li fuq ċittadinanza nassistu f’każi biss ta’ naturalizzazzjoni, mhux IIP,” ingħad fit-tweġiba lil dan l-istazzjon.
Fil-verità, iżda, kif wera r-rapport tagħna, Valletta Legal tippromwovi l-assistenza tagħha biex tinkiseb iċ-ċittadinanza.
Iżjed minn hekk ukoll tassisti f’real estate b’rabta ma’ ċittadinanza, jiġifieri qed tagħmel ukoll il-flus, grazzi għall-iskema tal-passaporti.