Il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo żar il-proġett fejn il-ġlud tal-annimali li kienu jintremew, issa qed jinħadmu f’parċmina. Bl-għan huwa li jiġu użati fil-konservazzjoni ta’ manuskritti storiċi fl-Arkivji tar-Reġistri Notarili.
Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Biċċerija Pubblika u l-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili. Iż-żewġ entitajiet qed jitħarrġu biex jerġgħu jqajmu l-produzzjoni tal-parċmina f’Malta, ħidma artiġjanali li kienet prattikata f’Malta, iżda ntilfet maż-żmien.
Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika Stefan Cachia spjega li l-proġett ikompli jibni fuq ħidma tal-Biċċerija biex tkun iżjed sostenibbli fl-operat tagħha billi tnaqqas ir-rimi ta’ materjali li jista’ jkollu użu ieħor.
“Aħna qegħdin innaqsu l-materjal li narmu l-ġlud tal-ħaruf u tal-ġidien u nittrasformaw f’parċmina li mbagħad ħa jkunu qegħdin jintużaw mill-Arkivji Notarili fir-restawr ta’ manuskritti differenti li għandhom bħala arkivji u dan allura se jkun qed jiffranka r-riżorsi lill-Arkivji Notarili, li flok jimportaw għas-spejjeż kbar tal-materjal minn barra ħa jkunu qegħdin jużaw il-ġlud tagħna.”
Stefan Cachia, id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija
Il-President tal-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili Joan Abela qalet li huwa ta’ sodisfazzjon naraw kif din il-kollaborazzjoni ssarrfet f’opportunità biex waqt li jkunu appoġġati prattiki sostenibbli fis-settur agrikolu, tingħata ħajja ġdida s-sengħa tradizzjonali.
Dwar dan il-proġett ikkummenta l-Ministru Anton Refalo tenna li t-trasformazzjoni tal-ġlud, prodotti sekondarji li sal-lum jintremew, hija ħidma li turi l-impenn tagħna bħala Gvern kemm għas-sostenibbiltà kif ukoll għall-preservazzjoni kulturali.
Sadanittant, il-pubbliku inġenerali kellu wkoll l-opportunità li jsegwi mill-qrib il-mod kif tinħadem il-parċmina waqt it-tielet edizzjoni ta’ ‘Festa Laħam’, li saret il-Biċċerija.
Festa Laħam, li għaliha attendew mijiet ta’ nies għandha wkoll l-għan li tiċċelebra l-kwalità tal-laħam lokali, fi sfond anke ta’ festa għall-familja kollha.