Malta lesta li tħallas l-ispejjeż għall-ħsarat tal-bastiment fuq livell umanitarju u wara li jitla’ s-surveyor marittimu.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
“Il-ħsarat li hemm fuq il-bastiment, wara li jiġi aċċertat li l-merkanzija li hemm abbord tiegħu hi intiża għal għan umanitarju. Għax dak huwa fatt li jrid jiġi stabbilit billi l-crew tal-bastiment għadu ma tax il-manifest, tfisser dik il-lista ta’ x’hemm abbord fuq il-bastiment, dik il-lista għadha ma ġietx ipprovduta lil Transport Malta, però, mal-mument li jiġi aċċertat li n-natura tal-merkanzija se tkun għal skop umanitarju intiża li tmur lejn Gaza. Hemmhekk bħala stat Malti wkoll offrejna li nkunu nistgħu nagħmlu t-tiswijiet a spiża tagħna, jiġifieri t-tiswija tal-ħsara li hemm fuq dan il-bastiment issir min-naħa tal-istat Malti. Naturalment bil-kuntratturi li jqabbad l-istat Malti u dik offerta li qegħda hemmhekk fuq il-mejda.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li pajjiżna ħa pożizzjoni ċara mal-ewwel, fejn intbagħat mal-ewwel is-sokkors.
Wara li ġie kkontrollat in-nirien, ġie assigurat li n-nies jinsabu siguri fuq il-bastiment.
Hawnhekk intqal li Malta għamlet diversi offerti biex dawk abbord jitniżżlu f’pajjiżna, iżda din l-offerta ġiet irrifjutata. Intqal li din l-offerta għadha miftuħa.
Il-Prim Ministru spjega li hemm ukoll żewġ patrol boats tal-Forzi Armati ta’ Malta, li kienu u għadhom viċin dan il-bastiment fl-ibħra internazzjonali. Dan filwaqt li spjega li saret offerta li jitla’ surveyor marittimu biex jissorvelja xi ħsara hemm fuq il-bastiment.
“Dik l-offerta li nerġa’ ntenni li l-crew u l-passiġġiera biex jinżlu l-art hija miftuħa, kienet hemmhekk u għadha hemmhekk. Fis-sigħat li għaddew offerejna li surveyor marittimu jitla’ fuq il-bastiment jagħmel l-aċċertamenti li huma meħtieġa dwar x’natura ta’ ħsarat hemm hemmhekk, jekk jistax jissewwew fuq il-post, jara wkoll il-kompatibbilità tal-ħsara ma’ dak li qed jiġi allegat li bih ikkaġunata din il-ħsara. Però l-kaptan tal-bastiment irrifjuta li jħalli lil dan is-surveyor jitla’ abbord.”
Il-Prim Ministru Robert Abela