Żewġ Maltin ta’ 17 u 18-il sena, ġew arrestati wara ġlieda bis-skieken f’Paceville – fejn għadd ta’ persuni sofrew minn ġrieħi anke gravi.
L-argument seħħ fi Triq Santa Rita – fl-4:!5 ta’ filgħodu, fejn tliet irġiel mir-Renju Unit ta’ 31, 36 u 55 sena sofrew ġrieħi u ttieħdu l-Isptar Mater Dei.
Fl-istess waqt, il-Pulizija ġew infurmati li hemm argument ieħor fi Triq Santu Wistin u sabu tliet żgħażagħ jargumentaw bejniethom.
Il-Pulizija intervjeniet u arrestat liż-żewġ żgħażagħ Maltin ta’ 17-il sena u 18-il sena, fejn fil-pussess taż -żagħżugħ ta’ 17-il sena nstab li kellu sikkina. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li huma kienu qegħdin jargumentaw ma’ żagħżugħ ieħor ta’ 18-il sena li kellu xi ġrieħi allegatament ikkawżati minn sikkina.
Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li ż-żewġ persuni arrestati kienu involuti wkoll fl-argument li seħħ ftit aktar qabel.
Hawn ittieħed il-vittma ta’ 18-il sena, kif ukoll l-allegat aggressuri l-Isptar Mater Dei.
Aktar tard, tnejn mill-irġiel barranin ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi, l-ieħor ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief, filwaqt li l-kundizzjoni tal-oħrajn għadha pendenti.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Ian Farrugia li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.