Gżira United u Melita ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 2-2 f’logħba intensiva u miftuħa għal kull tip ta’ riżultat.
L-ewwel azzjoni ta’ periklu waslet fit-tnax il-minuta minn Gzira fejn filfatt marru fil-vantaġġ meta minn kross preċiż ta’ Shaquille Montell, Ribeiro De Oliveira b’daqqa ta’ ras għeleb lill-gowler ta’ Melita Gosef Mizzi
Ir-reazzjoni ta’ Melita kienet immedjata u tliet minuti biss wara, Ensell Attard temm azzjoni tajba li minnha Melita għamlu l-iskor indaqs.
Gżira mill-ġdid perikolużi meta fit-28 minuta Ribeiro De Oliveira kellu ċans ieħor iżda x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa spiċċa ftit barra.
Fit-32 minuta Melita marru għal ewwel darba fil-vantaġġ meta minn żball difensiv ta’ Gżira ta’ l-opportunità lil Ensell Attard li waħdu quddiem Badawi ma żbaljax u skorja t-tieni goal personali.
Gżira kellhom freekick fil-37 minuta fejn il-gowler ta’ Melita ħareġ ħażin, iżda daqqa ta’ ras ta’ Ribeiro De Oliveira ma sarfet f’ebda periklu serju. Fit-43 minuta, Chouaib Hassany ta’ Gzira kellu xutt b’saħħtu iżda Mizzi salva b’mod tajjeb biex l-ewwel taqsima intemmet 2 – 1 favur Melita.
Il-Maroons mill-ġdid fuq l-attakk mal-bidu tat-tieni taqsima u fit-52 minunta Brooklyn Borg il-konklużjoni tiegħu ġiet imblukkata.
Kemm Gżira kif ukoll Melita għamlu diversi sostituzzjonijiet u għal perjodu twil assitejna għal ħafna logħob f’nofs il-ground skaemm fit-78 minuta, Melita kienu viċin li jżiedu t-tielet goal meta Jade Clarke fajjar xutt fil-baxx wara kross mil-lemin iżda l-gowler ta’ Gżira salva tajjeb.
Żewġ minuti wara, kross ta’ Espinoda sab lil Ribeiro De Oliveira iżda anke hawnhekk il-gowler ta’ Melita salva b’mod effettiv.
Fl-83 minuta Gzira ġabu d-draw meta Kevin Tulimieri kkonkluda azzjoni tajba għal Maroons u għeleb lil Mizzi biex meritatament ġab id-draw.
Il-partita intemmet fid-draw ta’ 2 – 2 b’Gzira jikkonfermaw posthom fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti filwaqt li Melita issa jilgħabu play-off kontra Naxxar Lions bit-tellief jingħaqad ma’ Balzan f’dik li hija relegazzjoni tal-BOV Challenge League filwaqt lir-rebbieħ iżomm postu fil-Premier.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Ensell Attard (Melita FC)