Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ pajjiżna kompliet tixgħel l-ipokrezija tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment dawk meqjusin estremisti.
Waqt li għal snin twal ħadmu qatigħ biex iħammġu isem Malta u ferħu meta nhar it-Tlieta ngħatat is-sentenza kontra pajjiżna, hu fatt magħruf kif għadd ta’ persuni qrib l-istess Partit, inkluż uffiċjali jew eks uffiċjali, iggwadanjaw flus kbar minn din l-istess skema.
Edward Debono, l-avukat tal-Kap tal-Oppożizzjoni, issimbolizza tali ipokrezija f’kummenti li kiteb fuq il-midja soċjali fl-aħħar jiem.
Waqt li, bħal oħrajn mill-establishment, ħa gost jattakka l-iskema, ma ddejjaqx lanqas jammetti li approfittaw irwieħhom biex ikunu jistgħu jdaħħlu bagatella minnha kemm ilha fis-seħħ fl-aħħar għaxar snin.
Wara li ttimbra l-programm taċ-ċittadinanza bħala ħażin għall-aħħar, Dr Debono wieġeb b’arroganza tipika lil Dr Anna Mallia li ħadd m’għandu jippretendi li ma jagħmlux użu minnu ladarba disponibbli, avolja jattakkawh.
Ta’ min jinnota li, waqt li l-iskema kienet utli għall-pajjiż, li minnha daħħal mal-€1.4 biljun biex iffinanzja fost l-aktar kawżi ġusti, bħall-pagi tal-ħaddiema li xogħolhom kellu jitwaqqaf waqt il-pandemija u l-proġett ta’ Puttinu Cares f’Londra, aġenti lokali, fosthom l-esponenti magħrufa Nazzjonalisti, jirċievu eluf kbar ta’ ewro bħala kummissjoni għal kull applikant eliġibbli.
Nhar it-Tlieta stess, fil-Parlament, id-Deputat Mark Anthony Sammut saħansitra qabbel lil dawn l-istess aġenti ma’ traffikanti tad-droga.
“Jiġifieri l-Gvern, jekk tgħasar li qed jgħid, qiegħed jgħidilna ma fiha xejn li tittraffika d-droga, basta l-qligħ li tagħmel tonfqu għall-ġid. Ma fiha xejn ħażin li tittrafika lin-nies, basta l-qligħ li tagħmel tonfqu tajjeb.”
Mark Anthony Sammut – Deputat tal-PN
ONE News jista’ jiżvela li tali kumment estremista wkoll wassal għal rabja kbira interna.
Min-naħa l-oħra, id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg iddikjara pubblikament li ma tistax tiċħad li l-programm taċ-ċittadinanza Malti għamel il-ġid u għandu jissaħħaħ.
“Nemmen li llum nafu x’ġara bil-bejgħ tal-passaporti, sar ċertu ġid, anzi jien irrid nara li fejn sar tajjeb fil-bejgħ tal-passaporti nkabbar fuqu.”
Alex Borg – Deputat tal-PN
B’hekk, fl-istess ħin, din il-kwistjoni kompliet twessa’ iżjed ix-xquq fl-Oppożizzjoni u dan mhux biss bejn fazzjoni u oħra, iżda wkoll fi ħdan l-istess fazzjonijiet infushom.