Il-Kampjonat Malti tal-futbol it-‘360 Sports Malta Premier’ wasal fi tmiemu, hekk kif il-Ħadd u nhar it-Tnejn li ġej mistennija jintlagħbu l-aħħar żewġ logħbiet li minnhom jkunu magħrufa l-finalisti ta’ dan il-kampjonat.
B’din tkun l-ewwel sena minn minndu ġie approvat il-format il-ġdid tiegħu, propost mill-Malta Premier League immexxi minn Dr Joseph Muscat.
Nhar il-Ħadd fis-sitta ta’ filgħaxija se naraw lit-tim ta’ Birkirkara, taħt it-tmexxija tal-kowċ Stefano De Angelis jilgħab kontra dak ta’ Sliema Wanderers immexxija mil-kowċ Malti Paul Zammit. Filwaqt li t-Tnejn fis-7:15 ta’ filgħaxija, iċ-champions renjanti Ħamrun Spartans immexxija mill-kowċ Winston Muscat mistennija jaffaċċjaw lit-tim ta’ Floriana mmexxija mill-kowċ Darren Abdilla.
B’hekk minn erbgħa timijiet ikun fadal biss tnejn li bejniethom issir finali nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju fis-sitta ta’ filgħaxija fl-Istadium Nazzjonali f’Ta Qali.
L-erba’ timijiet kellhom staġun mill-aqwa u wara numru ta’ konfronti bejniethom u kontra t-timijiet l-oħra issa waslu f’dan l-istadju ta’ semi finalisti.
L-ewwel rawnd ra lit-tim ta’ Floriana fl-ewwel post u Birkirkara spiċċaw fit-tieni post, filwaqt li fil-Closing Round, Sliema Wanderers ġew l-ewwel segwiti minn Ħamrun Spartans.