Għoxrin rekluta, kwart minnhom ikunu nisa, saru uffiċjali korrettivi ġodda wara li temmew b’suċċess ir-reklutaġġ tagħhom u ħadu l-ġurament tal-ħatra fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-ħatra tal-uffiċjali saret fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fejn preżenti kien hemm il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Christopher Siegersma.
L-uffiċjali korrettivi kellhom jagħmlu kors intensiv ta’ sittax-il ġimgħa li inkluda fost l-oħrajn taħriġ akkademiku, taħriġ fiżiku u tal-ewwel għajnuna, taħriġ dwar sigurtà, tifi tan-nar u anke dwar is-saħħa mentali u riabilitazzjoni.
Tkellimna mal-aħjar rekluta tal-kors, li kien Scott Sultana.
“Inħossni vera kburi. Kienu erba’ xhur impenjattivi ħafna kemm fiżikament u wkoll mentalment. Inħossuna kburin kollha li stajna naslu s’hawn kollha flimkien f’daqqa.”
Scott Sultana – L-Aħjar Rekluta tal-Kors
Il-Ministru Camilleri talab lill-uffiċjali korrettivi ġodda sabiex ikomplu jtejbu fuq it-tajjeb li diġà sar fl-aħħar snin.
Semma wkoll il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat ftit tal-ġimgħat ilu, fejn l-uffiċjali korrettivi raw żieda fis-salarju ta’ madwar €5,000 fis-sena.
“Ilqajna rekluti ġodda ġewwa l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Ilqajthom propju ftit jiem wara li ffirmajna t-tieni ftehim kollettiv li tejjibna l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom. Tlabthom sabiex jgħarfu x-xogħol kbir li jagħmlu l-kollegi tagħhom sabiex il-ħabs illum ma jintarafx minn ħabs kif kien qabel, ħabs ordnat, b’tentattiv ġenwin ta’ riabilitazzjoni.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi saħaq li xogħol l-uffiċjali mhux biss impjieg iżda vokazzjoni.
