“Minkejja li l-Gvern spjega ripetutament u kjarifika li s-sistema tal-ID cards f’pajjiżna hija ferm aħjar mis-sitwazzjoni preċedenti, il-gazzetta The Malta Independent on Sunday reġgħet ippubblikat stejjer mhux veritiera dwar din is-sistema.”
Dan qalu l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali li ċaħad kategorikament rapport li jallega li hemm More cases of people with double voting documents, ID cards.
L-istqarrija tispjega li l-gazzetta ma bbażatx l-artiklu fuq il-fatti u li persuni li għandhom dokument residenzjali li jispiċċa bl-ittra A (jiġifieri persuni li m’humiex Maltin) m’humiex intitolati li jivvottaw fl-elezzjoni ġenerali. “Jiġifieri, rapporti li jgħidu li persuni b’dokument residenzjali li jispiċċa bl-ittra ‘A’ jistgħu jivvottaw darbtejn, hija invenzjoni,” spjegat l-istqarrija.
Ir-rapport ippubblikat fil-gazzetta jagħmel referenza għal persuna li n-numru tal-karta tal-identità tagħha tispiċċa bl-ittra ‘P’. Din hija klassifikazzjoni li ġiet introdotta minn amministrazzjoni preċedenti u tintuża biss għal dawk il-ftit ċittadini Maltin li m’għandhomx ċertifikat tat-twelid. L-istqarrija qalet li ħafna drabi dawn iċ-ċittadini ma jkunx jista’ jinħarġilhom ċertifikat tat-twelid minħabba li jkunu twieldu f’pajjiżi barra minn xtutna li għandhom sistema differenti ta’ identifikazzjoni. Identity Malta għamlet investigazzjoni interna dwar il-każ li semmiet il-gazzetta u l-Kummissjoni Elettorali ġiet infurmata immedjatament.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Gvern offra lil din il-gazzetta sessjoni informali ta’ informazzjoni dwar is-sistema tal-ID cards li se tkun qed issir din il-ġimgħa.