Il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma xehed fil-Qorti li lil Jamie Vella u Robert Agius, magħruf bħala tal-“Maksar”, ma kienx jaf min huma. Dan hekk kif il-Ġimgħa kompla l-ġuri dwar żewġ omiċidji separati: dak ta’ Caruana Galizia fl-2017 u tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015.
L-akkużati f’dan il-ġuri huma l-aħwa Agius, Jamie Vella u George Degiorgio “ċ-Ċiniż”.
Melvin Theuma, li ngħata l-maħfra Presidenzjali biex jgħid dak kollu li jaf, irrepeta għal aktar minn darba li hu tqabbad biss minn Yorgen Fenech, bħala l-mandant f’dan l-omiċidju, u żied li wkoll kien jibża’ minnu li għad jispiċċa joqtol lilu.
Theuma xehed li hu mar għand Alfred Degiorgio l-“Fulu”, li min-naħa tiegħu tkellem ma’ George Degiorgio ċ-“Ċiniż” u Vince Muscat il-“Koħħu”.
Sostna li ħadd minnhom ma kien jaf li l-mandant ta’ dan il-qtil kien Yorgen Fenech. Intqal li l-“Koħħu” lanqas biss kien jaf li Melvin Theuma hu s-sensar fl-omiċidju.
Theuma qal li qatt ma seta’ jifhem kif dan il-każ kien se jaqa’ fuq l-aħwa tal-“Maksar”, għax dawn qatt ma kienu involuti fil-pjan tal-qtil tagħha.
Fl-istess xhieda quddiem il-ġurati, Theuma qal li ma jafx min hu Jamie Vella u anke l-aħwa tal-Maksar.
Melvin Theuma giddeb ħafna mid-dikjarazzjonijiet li għamel Vince Muscat il-“Koħħu” meta ta x-xhieda tiegħu fil-Qorti, wara li ngħata l-proklama hu wkoll. Hu qal “jien lest li nikkonfronta lil Vince quddiem wiċċu, għax jien mhux nigdeb.”
Xehed ukoll Andrew Caruana Galizia, iben il-vittma, li qal li kien ix-xogħol meta ċempillu ħuh u qallu li hemm splużjoni u kienet involuta ommu.
Tela’ wkoll fuq il-pedana tax-xhieda r-raġel ta’ Caruana Galizia, Peter, li qal li kien irċieva l-aħbar waqt li kien xogħol.
Sadanittant, aktar qabel, ġurat supplimentari ġie mmultat elf ewro, wara li, fil-pussess tiegħu, instab li kellu tablet.
Dwar dan il-każ sar rapport minn espert tal-Qorti u ħareġ kif il-ġurat, fost oħrajn, fittex fuq il-midja dwar il-każ, waqt li tkellem ukoll ma’ ibnu meta mhux suppost.
L-Imħallef Edwina Grima, li qed tippresiedi l-ġuri, iddeċidiet li l-proċess ikompli xorta waħda, waqt li wissiet lill-ġurati li ma jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ ħadd.