Wara li lbieraħ ġie żvelat kif NET News ippubblika parti mid-diskors tal-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, sigħat qabel l-attività tiegħu f’Ta’ Qali, dan l-istazzjon jinsab informat li deputati tal-Oppożizzjoni qed jitkellmu bejniethom dwar it-tgħaffiġ li qed ikompli jitfa’ lura lill-Partit, maħkum mill-estremisti taħt il-Kap de facto Karol Aquilina.
ONE News jista’ jiżvela kif numru ta’ deputati Nazzjonalisti mdejqin sal-ponta ta’ mneħrihom bl-indħil u l-privileġġi li għandu Karol Aquilina. Urtati wkoll li xi wħud minhom intużaw biex itajru lil Adrian Delia minn Kap ħames snin ilu biex, floku, jitpoġġa Grech, iżda issa spiċċaw b’Karol Aquilina jikkmanda fuqhom lkoll.
Dan, fl-istess ħin, li oħrajn, li appoġġjaw lil Delia waqt firdiet interni kbar, jinsabu urtati li l-Partit Nazzjonalista baqa’ maħkum minn klikka estremista li ma tħallihomx iwettqu politika ħlief dik iddettata minnhom.
Dawn ukoll iddiskutew kif artiklu tan-NET bil-kliem “do not publish” kien mossa oħra biex, quddiem diżgwid fuq din il-miżura, toħroġ l-aħbar qabel biss kien hemm l-approvazzjoni tal-Grupp Parlamentari kollu.
Id-diskussjoni bejniethom daret fuq kif il-PN m’għandux kredibbiltà dwar miżuri fejn jidħlu t-taxxi, speċjalment meta l-Kap Bernard Grech saħansitra għandu rekord ta’ evażjoni ta’ taxxa.
Il-mossa ta’ NET News ukoll bdiet tiġi meqjusa li kienet intiża biex tisfida lil dawk kollha li jażżardaw imeru lil Karol Aquilina u l-klikka estremista tal-establishment.