Għaddejjin l-aħħar preparamenti biex is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin tittella’ l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Festa Ħaddiem’, attività għall-familja kollha li qed tittella’ bis-saħħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fejn se tiċċelebra l-arti tas-snajja’ tal-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-ħidma imprezzabbli tagħhom.
Tkellimna ma’ Jason Micallef, il-Kap tat-taqsima li tmexxi l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, fejn spjegalna aktar dwar x’għandhom jistennew il-familji Maltin u Għawdxin proprju minn din iċ-ċelebrazzjoni, li se tittella’ fiż-żona tal-kunċerti f’Ta’ Qali.
“Din se tkun ċelebrazzjoni sabiħa ħafna, għall-familja kollha b’mod partikolari bit-tfal. Ħdimna ħafna fuq attivitajiet differenti, bħal logħob interattiv għat-tfal, mużika kontinwa, spettaklu, imma wkoll esebizzjonijiet importanti ħafna biex nifhmu wkoll flimkien ix-xogħol kbir li jsir min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi permezz tal-ħaddiema tal-Gvern, anke madwar il-pajjiż kollu. Dan se jkun apprezzat, fejn stedinna lill-familji kollha ta’ dawn il-ħaddiema. Se jkun tmiem il-ġimgħa mimli daqs bajda fejn dak li jkun anke jista’ jixxemmex, se jkun hawn gost kbir minn għada f’nofsinhar sal-Ħadd filgħaxija.”
Kap tat-Taqsima tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, Jason Micallef
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, spjega kif din il-festa hi mmirata li tkompli titfa’ dawl fuq il-ħidma sfieqa li jwettqu l-ħaddiema tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
“Proprju hawn fiż-żona tal-kunċerti, li kien proġett li għamilna bħala Dipartiment, rajna li mhux biss inwettqu l-proġett u nħalluh kif inhu, iżda rajna kif din iż-żona tal-kunċerti nibdluha f’attività għall-familji kollha, biex jiġu hawn u jingħaqdu magħna u jgawdu minn dan il-ġmiel li qed noħolqu. Għalhekk is-simbolu ta’ ‘Festa’ Ħaddiem minn Id il-Public Works’, biex nesebixxu s-snajja’ Maltin li tant aħna kburin bihom u l-ħidma li jwettqu proprju dawn il-ħaddiema.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia
Kulħadd hu mistieden biex, flimkien mal-ħbieb u l-qraba tiegħu, igawdi minn din l-attività b’xejn f’żona miftuħa u li matulha se jkun hemm attivitajiet għall-familja kollha.