Quddiem folla ta’ nies mill-isbaħ li attendiet bi ħġarha għall-Mass Meeting tal-Partit Laburista f’Jum il-Ħaddiem fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela nnota id-differenza fil-ħidma bejn iż-żewġ Partit politiċi b’rabta ma’ pajjiżna.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sostna li b’differenza għal-lum, iż-żmien ta’ GonziPN, ħoloq żewġ klassijiet ta’ pensjonanti, min twieled qabel l-1962 u dawk li twieldu wara. Sostna li bil-kontra dan il-Gvern elimina dik id-diskriminazzjoni.
“Għalina l-ebda pensjonant f’pajjiżna mhu tat-tieni klassi. Kulħadd indaqs. Kulħadd igawdi. Magħna l-pensjonanti kollha jafu fejn qegħdin. Tajna l-għaxar żieda, u fir-raba’ Budget minn ħamsa, se nerġgħu inżidukom. Dik hi l-kelma tagħna magħkom. Kelma li tissarraf f’ġid. Ġid ukoll ma’ min l-aktar hu fil-bżonn.”
PRIM MINISTRU ROBERT ABELA
Hawn il-Prim Ministru sostna li rridu nibqgħu konxji u saqajna mal-art għar-realtajiet ta’ kulħadd, u għalhekk irridu nkomplu naħdmu biex nindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nies.
Il-Prim Ministru ħabbar kif f’Ġunju li ġej dan il-Gvern se jkompli jagħti iżjed bit-tieni pagament tal-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja. Fuq żewġ pagamenti f’din is-sena se jkunu tqassmu mal-ħamsin miljun ewro lill-familji.
Il-Prim Ministru ta diversi eżempji ta’ kif dan il-Gvern għen lill-ħaddiema b’elf proposta mill-Manifest Elettorali Malta Flimkien. Dan fost oħrajn l-ikbar tax cut fl-istorja, pagi aħjar lill-ħaddiema tas-servizz pubbliku u dalwaqt se jkun qed jiġi ffirmat ftehim kollettiv ieħor għal-letturi tal-MCAST.
Dan minbarra li nhar il-Ħadd li ġej se jkun qed iwettaq benefiċċju ġdid mistenni minn bosta.
“U hemm ħafna li jsaqsuni. Imma kif huwa possibbli dan kollu? Ejja nifhmu ftit ta – fi tnax il-sena biss, minn pajjiż li jsallab lil niesu bil-piżijiet, illum hemm min qed jikkritikana li qed inqassmu wisq benefiċċji u li dan huwa ħażin – dak li kien kandidat tal-PN qalha din ta l-Professur l-ieħor Iva anke l-membership tal-gym tajna b’xejn u l-Ħadd li ġej inwettqu dak li wegħedna.”
PRIM MINISTRU ROBERT ABELA
Il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna kif ħaddieħor qed jipprova jċekken il-kisbiet kbar li dan il-pajjiż qiegħed jagħmel u ma jaħmlux li dan il-pajjiż se jkompli miexi ‘l quddiem. Hawn sostna li fl-għaqda hemm is-saħħa imma l-Oppożizzjoni qatt ma tista’ tifhimha għaliex moħħha biss fil-firda, fil-ġlied u t-tgħajjir. Tenna li din hija Oppożizzjoni tal-qtigħ il-qalb.
Dr Abela sostna li ta’ GonziPN version 2 ftit żmien ilu qalu li dan il-Gvern mhux se jirnexxielu jilħaq il-miri finanzjarji u li d-dejn se jisplodi, però hawn ukoll marru żmerċ għaliex mhux talli ntlaħqu l-miri imma l-piż tad-dejn naqas.
“Ara huma, kienu u għadhom jemmnu fl-issikkar taċ-ċinturin, għax dik l-eħfef politika ekonomika, imma ttik riżultat li ddaħħal l-ekonomija tal-pajjiż dritt ġol-ħajt. Il-politika dik tal-komdi huma – komdu kulħadd. Ara aħna. Bil-kontra. Inwegħdkom, u tafu li miegħi il-kelma kelma, li flimkien se nkomplu nwettqu aktar għalikom! Għall-familji kollha tagħna. Għat-tfal kollha tagħna. Għall-pensjonanti. Għaż-żgħażagħ. Għall-istudenti. Għall-first-time buyers. Għall-persuni b’diżabilità. Għall-ħaddiema. Għan-negozji. Għal Kulħadd”
PRIM MINISTRU ROBERT ABELA
Il-Prim Ministru sostna li bħalissa ħaddieħor qed jogħrok idu għax pajjiżna ġie attakkat fuq investiment li bih twettaq tant ġid. Dan għaliex ħaddieħor ikejjel is-suċċess b’kemm jirnexxielu jagħmel ħsara lil Malta. Imma minkejja dan kollu, il-Prim Ministru sostna li dan il-gvern se jibqa’ jkun sod favur Malta u ħadd mhu se jaqtalna qalbna.
“Ħaddieħor mingħalih li se jaqtalna qalbna; gew haw ftit ilu jħabbtu fuq il-borom u jiżirghu il-mibegħda. Aħna nwieġbu lura b’aktar xogħol favur pajjiżna, favur il-familji, favur il-ħaddiema. Is-suċċess ta’ pajjiżna niktbuh flimkien biex minnu igawdi l-poplu Għawdxi u Malti kollu kemm hu.”
PRIM MINISTRU ROBERT ABELA