Il-Bank Ċentrali ta’ Malta kkonferma li, matul is-sena li għaddiet, l-ekonomija Maltija kompliet turi saħħa u reżiljenza straordinarja, anke f’kuntest ta’ sfidi internazzjonali.
L-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Sandro Demarco, irrimarka li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’Malta baqgħet ferm ogħla minn dik fiż-Żona Ewro, b’momentum li ġie mmexxi kemm mid-domanda domestika kif ukoll mill-esportazzjoni.
Fil-fatt, it-tkabbir f’Malta kien sitt darbiet aktar mill-medja Ewropea u aktar mid-doppju ta’ dak fl-Istati Uniti tal-Amerka.
Skont ir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali, id-depożiti mal-banek komplew jiżdiedu b’rata ogħla mill-2023, b’żieda ta’ aktar minn biljun ewro fid-depożiti tal-familji. Dan juri kif il-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku qed jilħqu direttament lill-familji f’pajjiżna.
Il-qagħda tas-suq tax-xogħol baqgħet pożittiva, b’livell ta’ qgħad baxx ta’ ftit aktar minn 1,100 persuna.
Il-ħolqien tal-impjiegi kien partikolarment qawwi fis-settur tal-professjonijiet, li issa jammonta għal aktar minn 20% tal-impjiegi kollha. Madankollu, filwaqt li naqset b’20% iż-żieda ta’ ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi, kien hemm ukoll żieda ta’ 20% fl-għadd ta’ barranin li telqu mill-pajjiż.
F’termini ta’ fiduċja tan-negozju, ir-rapport jindika li l-inċertezza ekonomika naqset u l-kundizzjonijiet kummerċjali baqgħu aħjar mill-medja storika.
Is-settur tas-servizzi, b’enfasi fuq dak finanzjarju u professjonali, baqa’ l-mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku, b’żieda wkoll fil-produzzjoni industrijali.
Wieħed mill-aktar żviluppi, li ħallew impatt dirett fuq il-familji, kien it-tnaqqis sinifikanti fl-inflazzjoni. Ir-rata niżlet minn 5.6% għal 2.4%, b’għajnuna mill-iskema ‘Stabbiltà’, li wasslet biex l-inflazzjoni tal-ikel tinżel minn 10% għal 4%.
Il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils baqgħu stabbli, grazzi għall-politika tal-Gvern, u, għal darb’oħra, Malta kellha rata ta’ inflazzjoni inqas mill-medja Ewropea.
Mill-perspettiva tal-finanzi pubbliċi, id-defiċit kompla jonqos b’mod konsiderevoli u d-dejn pubbliku wkoll naqas. Dan grazzi għaż-żieda fid-dħul tal-Gvern frott it-tkabbir ekonomiku. Il-qagħda netta finanzjarja tal-Gvern tjiebet bi 2.2% tal-ġid nazzjonali.
Il-Bank Ċentrali qal kif id-dejn nazzjonali hu sostenibbli u se jibqa’ taħt il-limitu ta’ 60%, anke jekk jinqalgħu xokkijiet ekonomiċi globali.
Il-konklużjoni ċara mir-rapport hi li, minkejja l-isfidi internazzjonali, l-ekonomija Maltija mhux biss żammet il-pass, iżda kompliet tissaħħaħ f’diversi oqsma ewlenin.