Il-midja stess tal-PN żvelat dettalji mid-diskors tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sigħat qabel jitkellem f’attività b’rabta ma’ Jum il-Ħaddiem.
Fi żvilupp ieħor mid-Dar Ċentrali, li jkompli juri l-qasmiet kbar li hemm fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, sorsi spjegawlna kif ħaddiem ta’ Net News, ġie mqabbad minn numru ta’ persuni sabiex jiżvela parti mid-diskors tal-Kap Bernard Grech sigħat qabel diskorsu.
Dan permezz ta’ artiklu fuq is-sit tal-aħbarijiet ta’ Net News, li ġie ppubblikat taparsi bi żball.
Ftit minuti wara, numru ta’ persuni fi ħdan id-Dar Ċentrali għamlu kuntatt ma’ dan l-istazzjon fejn spjegaw kif l-artiklu fil-fatt ma ġie ppubblikat bi żball xejn u kien intiż biss biex iħammar wiċċ it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u l-Partit innifsu.
Dan hekk kif l-artiklu kien jinkludi dak li se jgħid il-Kap u li ma kienx hemm qbil fuqha internament fi ħdan id-Dar Ċentrali peress li l-Partit Nazzjonalista m’għandux kredibbiltà fuq it-tnaqqis tat-taxxa u l-finanzi tal-pajjiż.
Apparti min hekk is-sorsi tagħna qalulna hekk.
“Ara min se jemminna li se nnaqqsu t-taxxa minn fuq il-Part-time u l-over-time meta aħna fil-Gvern lanqas konna kapaċi nħallsu tal-over-time lil ħaddiema tas-servizz pubbliku.”
L-istess sorsi spjegawlna fi sfond ta’ dan id-diżgwid intern, numru ta’ persuni għamlu kuntatt ma’ ħaddiema fi ħdan NET News biex jiżvelaw dawn id-dettalji, intiżi biss iħammru wiċċ il-Kap u l-Partit Nazzjonalista.
Komplew jgħidulna kif “il-kredibbiltà fuq l-ekonomija hi zero. Fl-aħħar snin lanqas konna kapaċi noħorgu b’Dokument ta’ qabel il-Bagit. Ħadd ma jeħodna bis-serjeta fuq l-ekonomija.”
Intant l-istess sorsi kixfu wkoll l-għażla wara l-post li fiha l-Partit Nazzjonalista għażel jagħmel l-attività ta’ Jum il-Ħaddiem.
“Wara li Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami kienu ordnaw lil Bernard Grech biex l-attività tal-lum issir quddiem l-Ambaxxata Amerikana, għax kienu qed jittamaw li din se tagħlaq, u Grech kien mistenni jagħmel diskors shih dwar dan- sakemm l-istess Ambaxxata gidbet l-allegazzjoni tagħhom, issa li dak il-pjan fallihom, Karol u Beppe daħlu wegħda dwar it-taxxa fl-istess diskors ta’ Grech.”