Illum l-istazzjonijiet ONE se jingħaqdu mas-semmiegħa u t-telespettaturi bi programmi speċjali bit-tema KULĦADD GĦALL-BELT fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Ħaddiem.
B’diskussjonijiet fl-istudios u kollegamenti ma’ lokalitajiet differenti, il-ġurnalisti u preżentaturi ta’ ONE se jkunu qed jagħtu l-aħħar dettalji dwar il-Mass Meeting li se jorganizza l-Partit Laburista fit-3 ta’ wara nofsinhar fi Triq Merkanti, l-Belt Valletta.
Fuq it-televiżjoni, il-programm speċjali se jibda fid-9 ta’ dalgħodu u jibqa sejjer san-12:30 ta’ wara nofsinhar. Bi preżentazzjoni ta’ Claudia Cuschieri, it-telespettaturi se jkunu jistgħu jsegwu l-preparamenti għall-attivatijiet tal-Partit Laburista illum fil-Belt Valletta, b’intervisti mal-organizzaturi kif ukoll mistiedna speċjali oħra li se jiddiskutu l-kisbiet tal-ħaddiema fl-aħħar snin.
Bi programm separat u differenti, ukoll bejn id-9 ta’ filgħodu u n-12:30 ta’ wara nosfinhar, ONE Radio se jżomm lis-semmiegħu tiegħu aġġornati biċ-ċelebrazzjonijiet kbar fil-Belt Valletta, b’diversi preżentaturi fosthom Manuel Micallef, Luke Dalli, Trisianne Oliva u Roberta Albanese kif ukoll interventi interessanti minn bosta rappreżentanti tal-Partit Laburista u uħud mill-artisti li se jieħdu sehem fil-Mass Meeting tal-Ewwel ta’ Mejju.
Ix-xandiriet speċjali jkomplu fis-14:20 ta’ wara nofsinhar fejn ONE TV se jkun ixandar dokumentarju li jagħti ħarsa fid-dettal lejn iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel ta’ Mejju f’pajjiżna tul l-aħħar 99 sena, bi produzzjoni tar-riċerkatur u kittieb Mark Farrugia.
Fil-bulettin tas-19:30, ONE News se jagħti rappurtaġġ estensiv dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel ta’ Mejju fil-Belt Valletta u, eżattament wara l-aħbarijiet, ONE TV se jxandar ripetizzjoni tad-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fil-Mass Meeting li mistenni jwassal il-viżjoni ta’ Gvern Laburista biex ikompli jwassal il-ġid għall-Maltin fis-snin li ġejjin.