Rebħa ta’ 4 – 1 għal Sliema kienet tfisser li dawn spiċċaw fl-ewwel post tat-tieni fażi b’total ta 28 punt biex b’hekk issa fil-fażi tal-final 4 se jilgħabu kontra Birkirkara FC.
Sliema Wanderers bdew il-logħba kontra Mosta b’ritmu għoli u pressjoni kontinwa li ħalliet il-frott b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima. Kienet fit-tielet minuta meta Sliema resqu viċin li jiftħu l-iskor permezz ta’ corner li wasal għand Neil Frendo, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu marret ftit għolja.
Fil-ħames minuta waslet opportunità oħra għal Sliema, meta Mayskym Priadun xeħet kross baxx fil-kaxxa lejn Matos Da Silva Wescley, iżda x-xutt fil-baxx tiegħu ġie mblukkat b’reazzjoni tajba mill-goalkeeper ta’ Mosta, Agu Emeka.
L-istess Priadun kompla jispikka, u fil-11-il minuta għadda ballun perfett lejn Frendo li sab ruħu waħdu quddiem il-gowl madanakollu, Frendo ma laqatx tajjeb u Agu Emeka daħal fil-ħin biex inewtralizza l-periklu.
Sliema fetħu l-iskor fit-27 minuta b’azzjoni eleganti oħra. Pass eċċezzjonali lejn Neil Frendo li waħdu quddiem il-goalkeeper avversarju ma żbaljax biex tefa’ fix-xibka b’xutt fil-baxx li għeleb lil Emeka.
Il-Wanderers komplew iżidu fil-logħob tagħhom, u fil-35 minuta skorjaw it-tieni gowl b’azzjoni mix-xellug ta’ Priadun li wara li żamm il-ballun, daħal fil-kaxxa u għadda lejn Matos Da Silva Wescley, li b’konklużjoni preċiża sab ix-xibka u għamel l-iskor 2 – 0.
Tliet minuti biss wara, żball difensiv min naħa ta’ Mosta tagħat lil Priadun ċans ieħor quddiem il-lasti, iżda l-goalkeeper Emeka salva għal corner. Sliema baqgħu jikkontrollaw sal-aħħar tal-ewwel taqsima hekk kif fil-41 minuta, Magri Overand ipprova xutt min barra l-kaxxa, iżda sab risposta oħra tajba minn Emeka.
Fil-47 minuta Mosta ħolqu l-ewwel azzjoni denja ta’ nota meta Clayton Failla ra l-free kick tiegħu mblukkat u mdawwar f’corner. Il-Mostin, li bdew it-tieni taqsima b’mentalità aktar offensiva, reġgħu kienu perikolużi fil-51 minuta meta Goncalves ix-xuttja mill-viċin, iżda sab lil goalkeeper Sliemiz attent u f’pożizzjoni tajba.
Fil-59 minuta Sliema skorjaw it-tielet goals meta Kyrian Nwoko approfitta minn ħarġa ħażina tal-goalkeeper avversarju u bla wisq diffikulta d-depożita l-ballun fix-xibka għal 3 – 0.
Fit-67 minuta, corner ieħor min-naħa tax-xellug wassal għar-raba’ gowl ta’ Sliema. Din id-darba kien Samba Kone li għola fil-kaxxa u bir-ras għeleb lill-goalkeeper Mosti għal skor ta’ 0-4.
Wara li skurjaw ir-raba’ gowl, il-plejers ta’ Sliema dehru konxji li kollox kien jiddependi wkoll fuq riżultati oħra. L-intensità tagħhom naqset xi ftit hekk kif il-logħba resqet lejn it-tmiem.
Dan irrifletta fil-85 minuta, meta Mosta rnexxielhom inaqqsu d-distakk. Azzjoni personali tajba minn Emmanuel Prince Chibuzor fuq ix-xellug waslet għal pass lejn Scerri, li b’xutt preċiż tefa’ fix-xibka u għamel l-iskor 1-4.
Referee: Trustin Farrugia Cann