Fl-aktar logħba mistennija mit-32 ġurnata Birkirkara u Floriana spiċċaw il-konfront ta’ bejniethom fid-draw ta’ 1 – 1 biex b’dan ir-riżultat kif ukoll bir-rebħiet reġistrati minn Sliema Wanderers u Hamrun Spartans, l-istaġun se jkollu jagħdi għal fażi tal-final 4 fejn Floriana se jilgħabu kontra Hamrun Spartans filwaqt li Sliema jaffaċjaw lill-Birkirkara.
Kienet logħba movimentata u waħda mill-isbaħ tal-istaġun li fiha ż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom iżda Floriana għal xi ħinijiet dehru xi ftit aktar dominanti fuq Birkirkara.
Bidu eċċelenti għal Birkirkara għaliex wara biss tliet minuti marru fil-vantaġġ meta kien l-aqwa skorer tal-kampjonat Maxuell Maia li d-depożita l-ballun wara l-goalkeeper ta’ Floriana Christoffer Mafoumbi biex poġġa lill-stripes fil-vantaġġ.
Risposta ta’ Floriana mal-kwarta logħob meta free-kick ta’ Jose Fernando Gomes Junior ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Giacomo Volpe li dawwar f’corner.
Floriana mill-ġdid perikolużi minn free-kick ieħor ta’ Jake Grech bid-difiża ta’ Birkirkara tipprova tikklerja b’Volpe jkun deċiżiv wara li salva f’corner ieħor.
Sekondi biss wara Birkirkara setgħu faċilment għamluhom tnejn meta f’kontrattakk veloċi Kemar Reid dam jaħsiba bil-pass tiegħu bid-difiża ta’ Floriana timblokka. Birkirkara komplew jkunu perikolużi fit-22 minuta meta konklużjoni fil-baxx ta’ Alex Satariano għaddiet tħakkek ma’ sieq il-lasta.
Floriana mill-ġdid impenjaw lid-difiża avversarja fis-36 minuta meta l-captain Dunstan Vella qassam lejn Gonzalo Gamarra li b’konklużjoni fil-baxx ra x-xutt tiegħu jagħdi kemmkemm barra. Fid-39 minuta Floriana ġabu d-draw meta Jake Grech approfitta minn żball ta’ Sandona, qassam lejn Dunstan Vella li b’xutt sabiħ għamel l-iskor 1 – 1.
Fit-42 minuta konklużjoni ta’ Gomes Junior ta’ Floriana għaddiet għoli. Sekondi biss wara Floriana għal ftit ma marrux fil-vantaġġ meta Aleandro Garzia ra’ d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata minfuq il-linja minn Morello biex finalment il-ballun spiċċa f’corner.
Bidu tajjeb għal Birkirkara hekk fis-56 minuta konklużjoni perikoluża ta’ Maxuel Maia ġiet salvata f’corner.
Risposta ta’ Floriana fil-61 minuta meta konklużjoni ta’ Gamarra ġiet imdawra f’corner bi bravura minn Volpe. Minuta biss wara Floriana mill-ġdid perikolużi meta Volpe salva iżda ma’ żammx il-cross ta’ Jake Grech u Aleandro Garcia minn taħt il-lasta xeħħet inkredibilment barra.
Fil-71 minuta wieġbu Birkirkara meta minn cross ta’ Kemar Reid, għola tajjeb Maia li ra l-konklużjoni bir-ras tiegħu tmur ftit għoli.
Fid-disgħin minuta Alex Satariano għal ftit ma’ ħasadx lill-goalkeeper Mafoumbi meta fajjar xutt, iżda l-goalkeeper Franċiż, minkejja barra minn postu salva.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Aleandro Garzia (Floriana FC)