Fil-Partit Nazzjonalista hemm qasma ċara, din id-darba anke dwar il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ta’ pajjiżna. Dan hekk kif il-fergħa estremista Nazzjonalista, li tinkludi lil Jason Azzopardi, Karol Aquilina, David Casa u Roberta Metsola, ferħu bis-sentenza li tat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-Tlieta kontra Malta.
Min-naħa l-oħra, Alex Borg, id-Deputat Nazzjonalista mill-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia, qal ċar u tond li jaqbel mal-programm u l-ġid li rnexxielu joħloq li minnu gawda kulħadd, inkluż fil-pandemija fejn ġew salvati eluf ta’ mpjiegi u anke fi proġetti ta’ fejda, bħal dak ta’ Puttinu Cares jew tal-Hospice Malta.
Meta, fl-aħħar jiem, ħa sehem fuq il-podcast ta’ Karl Bonaci, Alex Borg tenna li hu kieku jsaħħu iżjed.
“Nemmen li llum nafu x’ġara bil-bejgħ tal-passaporti, sar ċertu ġid, anzi jien irrid nara li fejn sar tajjeb fil-bejgħ tal-passaporti nkabbar fuqu.”
Alex Borġ, Deputat tal-PN
Barra l-bini tal-Parlament it-Tlieta filgħaxija, iżda, numru ta’ deputati ma qablux ma’ dan.
Fosthom id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, li ddefenda l-aġir tal-esponenti estremisti Nazzjonalista, li llum tmexxi lill-Partit u lil Bernard Grech minn imnieħru.
Meta mistoqsi x’jaħseb dwar kif ferħu bid-deċiżjoni tal-Qorti, fosthom Roberta Metsola, Carabott wieġeb hekk…
“Qiegħed tikkwotahom ħażin u jekk għandek tikkwota dak li qalu.”
Darren carabott, Deputat tal-PN
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo tas-6PM, li fl-aħħar jiem ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni li jmiss, mar kontra l-establishment u qal li mhemm xejn biex tifraħ b’affarijiet bħal dawn.
ĠURNALIST: “Taqbel li kienet xi ħaġa ta’ min jifraħ fuqha?”
IVAN J. BARTOLO: “Jien ma nifraħ b’xejn f’dawn l-affarijiet.”
Numru ta’ deputati oħrajn Nazzjonalisti ħarbu milli jwieġbu.
Saħansitra, id-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri qalilna li mhux se jweġibna.
ĠURNALIST: “Taqbel mar-reazzjonijiet ta’ esponenti li ferħu wara d-deċiżjoni ta’ dalgħodu?”
JUSTIN SCHEMBRI: “Il-waranofsinhar it-tajjeb.”
ĠURNALIST: “Għala ma tridx tweġibni fuqha?”
JUSTIN SCHEMBRI: “Diġà weġibtek, lilkom mhux se nweġibkom qabel ma tirtiraw l-gideb li gdibtu fil-konfront tiegħu.”