Fil-Jum Ewropew ta’ Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, il-Veterani Laburisti u ż-Żgħażagħ Laburisti organizzaw attività fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Din l-attività ġiet indirizzata mill-President tal-Veterani Laburisti, Anthony DeGiovanni, li saħaq dwar l-importanza tal-ġustizzja interġenerazzjonali kif ukoll id-djalogu f’dan ir-rigward.
Min-naħa tiegħu, il-President taż-Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja, sejjaħ għal stil ta’ ħajja mibni fuq solidarjetà konkreta bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, permezz ta’ inizjattivi bħall-volontarjat u mentorship interġenerazzjonali.
F’messaġġ li bagħat, Glenn Micallef, il-Kummissarju Ewropew Malti responsabbli miż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġustizzja bejn il-Ġenerazzjonijiet, qal kif se titnieda strateġija dwar dan fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli, fost l-oħrajn, miż-Żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti, ħabbar kif pajjiżna se jkun minn tal-ewwel li jittestja kif il-liġijiet jaffettwaw liż-żgħażagħ.