Permezz tal-kollaborazzjoni bejn Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta qegħdin isiru xogħlijiet biex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura tad-dawl fil-lokalitajiet ta’ San Ġwann u San Ġiljan.
Dan ġie spjegat waqt żjara mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta l-Inġ Ryan Fava flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kunsill ta’ San Ġwann.

Dan l-investiment ta’ miljun ewro ser joħloq links ġodda bejn iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-Kappara u diversi substations f’San Ġwann u San Ġiljan.
Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet ser tkompli tikber il-konnettività u l-flessibbiltà fin-network tad-distribuzzjoni kif ukoll ikun iktar faċli għat-timijiet tekniċi biex jagħtu lir-residenti u n-negozji d-dawl f’qasir żmien f’każ li tinqala’ xi ħsara.
Fil-frattemp se jkun qiegħed isir xogħol f’substations fil-lokalità biex tkun immodernizzata u msaħħa l-kapaċità tagħhom kemm għall-preżent kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.