Ir-rivista ‘The Parliament’ innominat lill-Membru Parlamentari Ewropew u Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Alex Agius Saliba għall-unur ‘European Values Champion of the Year’ u lill-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard u Thomas Bajada għall-unur ‘Best Newcomer’.
Ta’ kull sena, din ir-rivista tippremja lill-MPE għax-xogħol siewi li jkunu wettqu fl-aħħar sena fuq temi ewlenin li jindirizzaw il-prijoritajiet taċ-ċittadini Ewropej.
Alex Agius Saliba huwa l-uniku finalist Malti li ġie nnominat ħames darbiet konsekuttivi għal dan l-unur. Din is-sena, hu ġie nnominat għall-ħidma kontinwa fl-oqsma diġitali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur. Dwar dawn l-oqsma, fl-aħħar xhur, Agius Saliba ġie rikonoxxut għall-ħidma li qed iwettaq bħala Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti fil-koordinazzjoni tal-politika diġitali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi. Minbarra l-ħidma li qed iwettaq Agius Saliba bħala rapporteur tal-Parlament fuq il-legiżlazzjoni relatata mad-drittijiet tal-konsumaturi li jivvjaġġaw, huwa qiegħed ukoll jinnegozja legiżlazzjoni Ewropea importanti sabiex jissaħħu d-drittijiet diġitali taċ-ċittadini Ewropej.
Agius Saliba qal li huwa kburi li għall-ħames darba wara l-oħra ġie nominat bħala wieħed mill-aqwa Ewroparlamentari, din is-sena għall-unur ‘European Values Champion of the Year’. Sostna li din il-fiduċja tkompli timlih b’aktar kuraġġ biex ikompli jaħdem favur l-aqwa interess tal-Maltin u l-Għawdxin fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Daniel Attard ġie nnominat għall-ħidma tiegħu fil-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu, fejn kien leħen b’saħħtu għall-industrija tal-avjazzjoni u dik marittima, u rnexxielu jiddefendi b’suċċess l-operaturi tat-tug boats minn piżijiet żejda u sproporzjonati. Attard kien ukoll appuntat fit-tmexxija tat-Task Force tat-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, fejn ippropona u kiseb l-appoġġ għall-proġetti favur turiżmu sostenibbli. Barra minn hekk, Daniel Attard ġie rikonoxxut għall-impenn qawwi tiegħu favur id-drittijiet tal-bniedem bħala Viċi President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Iran, kif ukoll għall-mod innovattiv kif ta’ spazju u pjattaforma liż-żgħażagħ li xtaqu jsegwu u jagħtu kontribut dirett fil-ħidma tiegħu.
Attard qal li din in-nomina hija riflessjoni tal-impenn tiegħu li ma jkunx biss vuċi, imma tarka taċ-ċittadini Maltin u Ewropej fil-Parlament Ewropew.
Thomas Bajada ġie nnominat għall-ħidma importanti fuq il-politika Ewropea b’rabta mal-ilma u l-governanza tal-baħar u tas-sajd, b’mod partikolari dak ta’ skala żgħira u tal-Mediterran. Ix-xogħol ta’ Bajada ġie mfaħħar minn bosta għall-mod ta’ kif qiegħed jiffoka fuq l-istarateġija Ewropea għar-reżiljenza tal-ilma li huwa fassal – li titratta l-ilma kemm bħala sfida ta’ sostenibbiltà, kif ukoll bħala kwistjoni ta’ sigurtà, flimkien mal-impenn tiegħu favur soluzzjonijiet ambizzjużi li jiżguraw li ebda reġjun ma jitħalla jaqa’ lura.
Bajada qal li rridu nippreparaw lill-Ewropa għal futur b’aktar pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma u għalhekk il-politika tal-ilma mhix biss kwistjoni ambjentali imma wkoll prijorità ekonomika, soċjali u ġeopolitika li jeħtieġ tiġi ndirizzata b’ambizzjoni.
Filwaqt li wrew l-apprezzament għal din in-nomina, l-Ewroparlamentari Maltin iħarsu ’l quddiem għal din il-leġiżlatura biex tissoka ħidma intensiva fl-aħjar interess tal-Għawdxin u ‘l Maltin.
Il-Partit Laburista jifraħ lit-tliet MPE Laburisti għal dawn in-nomini u jawguralhom għal dawn l-unuri prestiġġjużi tar-rivista ‘The Parliament’.
Dwanrdan ukoll ikkummenta l-Prim Ministru Robert Abela, permezz tal-midja soċjali, fejn qal li t-tliet Ewroparlamentari Laburisti qed ikomplu jagħmluna kburin.
Our PL MEPs, Alex, Daniel, and Thomas continue to make Malta proud. What a stark contrast with others whose sole mission is to undermine Malta's interests. – RA pic.twitter.com/OEeT1o1mt8
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) April 30, 2025