Se tkun qed tittella’ edizzjoni oħra tal-Imdina Medjevali avveniment annwali sinonimu mal-belt l-antika tal-Imdina. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tal-Imdina, Peter Dei Conti Sant Manduca u l-kunsilliera. Din l-attività se tkun qed tittella’ fi tmiem din il-ġimgħa, nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju u l-Ħadd 4 ta’ Mejju.
Ġie spjegat kif fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm diversi reċti u mużika ta’ żmien medjevali, kif ukoll logħob tan-nar, re-enactment u suq medjevali flimkien ma’ diversi attivitajiet oħra.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat kif dan l-avveniment mhux biss se jfakkar il-ġmiel ta’ din il-belt siekta, iżda wkoll juri l-wirt kulturali rikk ta’ pajjiżna, b’mod partikolari tal-Imdina.
“L-attività ta’ din is-sena mistennija tkun fost l-akbar edizzjonijiet. Fil-fatt, dawk kollha li ser iżuru din il-belt għandhom jistennihom programm sħiħ ta’ attivitajiet b’mod partikolari s-Sibt filgħaxija fejn se tittella’ mixja bil-fjakkoli fit-toroq medjevali tal-Imdina. Permezz ta’ din l-attività min se jattendi se jkun jista’ jmur lura fiż-żmien u jgawdi l-ħajja medjevali.”
Segretarju Parlamentari, Alison Zerafa Civelli
Is-segretarju parlamentari rringrazzjat lill-kunsill lokali tal-Imdina tal-impenn tiegħu sabiex kull sena jtella’ din l-attività, fejn għal jumejn sħaħ din il-belt siekta se tilqa’ mijiet ta’ nies għal attività unika.
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Imdina, Peter Dei Conti Sant Manduca, qal kif se jkun qed jiġi organizzat ukoll servizz ta’ Park and Ride minn Triq l-Infetti. Spjega kif din iċ-ċelebrazzjoni hija waħda iżjed minn sempliċiment attività, imma wkoll iservi ta’ skambju kulturali bejn il-belt tal-Imdina u kif ukoll lokalitajiet u personalitajiet internazzjonali.