Il-Gvern Britanniku qed jiġi mwissi minn waħda mill-organizzazzjoni mhux governattivi, li jaħdmu mal-foqra u l-vulnerabbli, li t-tnaqqis tal-benefiċċji se jiswa lill-ekonomija tal-pajjiż biljuni żejda kull sena, hekk kif tiżdied il-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi, waqt li se jkun hemm splużjoni fl-għadd tal-persuni li jispiċċaw fil-faqar.
L-NGO Trussell, li tipprovdi ikel ta’ emerġenza u għajnuna prattika lill-foqra u bla saqaf fuq rashom, qalet li l-pożizzjoni li ħa l-Gvern tal-Prim Ministru Keir Starmer bit-tnaqqis tal-benefiċċji, inkluż lil persuni b’diżabilità, se toħloq faqar ġdid.
Minkejja li l-Gvern Britanniku kemm-il darba stqarr li ma kienx biħsiebu jimplimenta miżura tal-awsterità, il-Ministru għall-Finanzi Rachel Reeves ħabbret fil-baġit tar-rebbiegħa tnaqqis ta’ £5 biljun mill-fond tal-benefiċċji f’tentattiv biex ikunu bbilanċjati l-kontijiet.
Iżda Trussell sostniet li, jekk il-Gvern Britanniku ma kienx se jipprovdi miżuri biex inaqqas il-ġuħ u t-tbatija taċ-ċittadini, ir-riperkussjonijiet se jkunu ferm agħar fuq l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi.
F’Ġunju li ġej, il-Gvern mistenni jippreżenta l-istrateġija tant mistennija b’miżuri biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal. Minkejja dan, issa qed jiġi mbassar li probabbilment mhux se jitneħħa l-capping introdott mill- Konservattivi, li jara li familji jirċievu biss benefiċċju sa żewġt itfal.
Fir-rapport tagħha, Trussell ħeġġet lill-Gvern biex jelimina tali limitu fuq il-benefiċċji tat-tfal u kwalunkwe tqaċċit mill-baġit tal-benefiċċji għandu jkun evalwat u mqabbel ma’ dak li se jiswa lill-ekonomija Ingliża, il-finanzi pubbliċi u l-benesseri.
WPI Economics, li ħadmet fuq dan ir-rapport, qalet li, fi tmiem is-sena finanzjarja ta’ Marzu 2023, mas-6.3 miljun adult u tliet miljun tifel u tifla kienu qed jiffaċċjaw il-ġuħ u l-faqar fil-pajjiż, peress li d-dħul tal-familji tagħhom hu 25% inqas mil-linja tal-faqar stabbilita fil-pajjiż.