Ilbieraħ Donald Trump iċċelebra l-mitt jum tat-tieni terminu tiegħu bħala President tal-Istati Uniti b’rally f’Michigan simili ta’ dawk li kien jindirizza matul il-kampanja presidenzjali.
Matul id-diskors, li dam siegħa u nofs, Trump kemm-il darba rredikola lill-predeċessur tiegħu Joe Biden filwaqt li anke reġa tenna l-gidba li kien filfatt hu li rebaħ l-elezzjoni Amerikana tal-2020 filwaqt li ddefenda d-deċiżjoni tiegħu li jimponi tariffi fuq id-dinja kollha.
Warajh kien viżibbli l-islogan “100 days of greatness” u bil-manjiera goffa u arroganti tiegħu attakka lil dawk kollha li għażlu jikkritikawh u ftaħar fuq id-deportazzjoni tal-massa li qed titwettaq mill-amministrazzjoni tiegħu.
Hu sostna li t-tkeċċija ta’ dawk li sejjaħ invażuri, hija wegħda u parti minn xogħlu bħala mexxej għax għandu obbligazzjoni li jsalva pajjiżu.
Fuq l-iscreens wera filmati ta’ persuni diportati b’rashom imqaxxra deħlin fil-ħabs ta’ El Salvador fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.
Filwaqt li sejjaħ diversi persuni mit-tim fuq il-palk, huwa ddikjara li l-amministrazzjoni tiegħu wettqet l-aktar bidliet profondi li qatt seħħu mill-White House f’dawn l-aħħar mitt sena.
Dwar it-tariffi tkellem fil-qasir ħafna fejn semma li ċ-Ċina kienet serqet aktar impjiegi minn għand l-Amerikani milli qatt insterqu minn ħaddieħor u għalhekk it-tariffi ta’ 145%. Qal iżda li dan ma jfissirx li l-Istati Uniti ma jistax ikollha relazzjoni maċ-Ċina u tenna li jemmen li dalwaqt jintlaħaq ftehim kummerċjali ġust bejniethom.
Huwa ddikjara wkoll li l-amministrazzjoni tiegħu kienet ġabet fi tmiemha l-inflazzjoni iżda x-xahar l-ieħor l-Uffiċċju tal-Istatistika tax-Xogħol qal li filwaqt li matul Marzu l-inflazzjoni dehret li naqqset fuq l-aħħar sena, fil-verità kienet żdiedet bi 2.4%.
Hekk kif iddikjara li kienu qed jiċċelebraw l-aktar 100 jum ta’ suċċess ta’ kwalunkwe amministrazzjoni fl-istorja Amerikana, fl-aħħar tad-diskors huwa qal li dan kien biss il-bidu u li għad baqalhom ħafna aktar x’jaraw. Fi kliem ieħor “Il-kbir għadu ġej”.