L-aħwa George u Alfred Degiorgio tilfu kawża, li fetħu fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fejn saħqu li huma ma ngħatawx biżżejjed żmien biex jippreparaw id-difiża tagħhom fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Din il-kawża kienet infetħet kontra l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali, u l-familja tal-vittma minħabba li l-aħwa Degiorgio allegaw li nkiser id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq.
L-aħwa kienu kkundannati 40 sena ħabs kull wieħed b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lura fl-2017, wara li ammettew fil-bidu tal-istess ġuri.
Il-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ċaħdet din it-talba u qalu li l-argument tal-aħwa Degiorgio mhuwiex kredibbli.