Il-Partit Laburista jilqa’ l-isqtarrija tal-Gvern Malti b’rabta mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-qafas leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment.
Jagħmel sew li l-Gvern jistudja bir-reqqa din is-sentenza sabiex dan il-qafas li tant renda ġid lil pajjiżna mill-2015 ’il quddiem, kważi biljun u nofs ewro, ikun konformi mal-prinċipji msemmija fis-sentenza.
Il-Partit Laburista jirrimarka wkoll kif l-iskema ta’ ċittadinanza f’pajjiżna, li mhijiex l-unika waħda fl-Ewropa, diġà tħaddem sistema qawwija ta’ due diligence u kien hemm wkoll rata konsiderevoli ta’ applikazzjonijiet li ma ntlaqgħux, b’ċittadinanzi revokati fejn kien hemm bżonn.
Dan kollu jixhed is-serjetà li bih qed jitmexxa dan il-qafas leġiżlattiv.
L-aħħar snin ta’ tħaddim ta’ dan il-programm, jiġġustifikaw ukoll l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jaħdem favur qafas konformi mas-sentenza tal-lum. Il-finanzjament b’saħħtu ġġenerat minn dan il-programm serva ta’ spalla għall-poplu f’pajjiżna f’mumenti ta’ kriżi internazzjonali bħal dik tal-pandemija meta min iħaddem ġie sostnut bil-Covid Wage Supplement sabiex iżomm lill-ħaddiema fl-impjieg u bi dħul xieraq.
Dan apparti l-finanzjament b’saħħtu fil-Fond Soċjali tal-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) li permezz tiegħu qed ikunu ffinanzjati lista ma tispiċċa qatt ta’ proġetti soċjali u ta’ fejda. Fosthom hemm għajnuniet li marru għal dawk l-organizazzjonijiet f’Malta li jgħinu l-iktar lil min hu fil-bżonn bħall-investiment f’St Michael Hospice, l-appartamenti f’Londra ta’ Puttinu Cares, il-Community Centre tal-Caritas u l-KIDS Project tar-Richmond Foundation.
Apparti dawn ġew apoġġjati wkoll proġetti favur CT Scanners fl-isptar San Vinċenz De Paule, il-Catheterisation Suits fl-isptar Mater Dei u proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali flimkien mal-iskema New Hope. Magħhom jiżdiedu l-għajnuniet fil-qasam sportiv, fil-qasam ambjentali u s-settur tal-patrimonju kulturali (bħalma huma l-każini tal-banda) fost ħafna iktar.
Dawn huma biss ftit mir-raġunjijiet għaliex il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista se jibqa’ jaħdem favur l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
Partit Nazzjonalista dejjem kontra Malta – illum aktar minn qatt qabel
Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għas-sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija konferma oħra ta’ kemm jaħdem kontra Malta u l-poplu tiegħu.
Illum il-Partit Nazzjonalista minflok eleva ruħu ’l fuq il-partiġġjaniżmu u ra kif għamel biex jaħdem mal-Gvern biex jippriserva l-ħafna ġid li daħħal dan il-programm bil-qafas preżenti, ħareġ ikanta vittorja u jiftaħar bil-pressjoni li għamel tul is-snin, biex b’hekk itellef miljuni kbar ta’ ewro favur il-poplu Maltin u Għawdxi.
Illum tal-Partit Nazzjonalista qed jogħrku idejhom u jiftaħru li pperikolaw dan il-ġid kollu. Il-Partit Nazzjonalista qed inaffar investiment dirett barrani u qed ipoġġi f’riskju l-investiment li sar mill-Maltin fi propjetà biex tinkera lil min jidħol f’dan il-programm.
Il-Partit Laburista jinnota wkoll id-dikjarazzjonijiet li llum għamlu esponenti ewlenin tal-PN. Dikjarazzjonijiet li jkomplu jixhdu biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa mmexxi minn klikka ta’ estremisti isteriċi li jogħxew bil-ħsara fuq Malta.
M’hemmx għalfejn wieħed jixtarr wisq għaliex il-Partit Nazzjionalista dejjem tatu rasu fuq dan il-qafas li ħoloq tant ġid. Il-kważi biljun u nofs ewro li pajjiżna ġab minn dan il-programm iriduhom jispiċċaw.
Il-Partit Laburista madanakollu mhux ser jħalli l-ebda għira politika tmur konta l-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. Quddiem dan kollu b’serenità u bħal dejjem, Partit Laburista fil-Gvern ser jibqa’ jaħdem sabiex jinstabu s-soluzzjoniet neċessarji, sabiex jibqgħu jgawdu l-familji fosthom il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.