Ġie ffirmat il-kuntratt għall-manifattura u l-installazzjoni ta’ cable f’qiegħ il-baħar, f’pass eqreb għat-twettiq tat-tieni interconnector, b’valur globali ta’ madwar €300 miljun. Il-kuntratt ġie ffirmat mill-Gvern Malti mal-kumpanija Norveġiża Nexans AS.
Dan il-proġett hu ko-finanzjat minn fondi Ewropej, ladarba qed jitqies mill-Unjoni Ewropea nnifisha bħala proġett ta’ importanza strateġika.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, qalet li pajjiżna qed jingħata l-investiment li veru jixraqlu, hekk kif se tissaħħaħ il-konnettività, filwaqt li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali mill-karbonju u se jippermetti l-importazzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinovabbli.

Hi tkellmet ukoll dwar kif dan it-tieni interconnector se jagħti aktar serħan il-moħħ, anke fid-dawl ta’ sfidi u inċidenti li seħħew, u b’hekk qed tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista f’pajjiżna.
Dan l-iffirmar hu mira importanti għaIl-proġett nazzjonali, magħruf aħjar bħala IC2, u hu wieħed minn sitt tenders maġġuri relatati ma’ dan il-proġett, u jittratta l-manifattura u l-installazzjoni tas-submarine 245kV cable bejn Malta u Sqallija. Il-cable taħt il-baħar hu twil 99km.
IC2 hu ħolqa f’katina akbar ta’ inizjattivi li l-Gvern qed jieħu biex jilħaq il-miri ta’ dekarbonizzazzjoni bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050.
Iċ-Chairman ta’ Interconnect Malta, il-Perit Godwin Agius, qal kif dan il-ftehim qed ibiddel snin ta’ ppjanar, disinn, permessi u xogħol iebes f’pass konkret ’il quddiem, filwaqt li nnota l-parteċipazzjoni f’din is-sejħa.
Ismail D’Amato, li hu l-Kap Eżekuttiv tal-istess entità governattiva, spjega dan il-proġett mil-lat tekniku.
Dan il-ftehim ġie ffirmat minn Adrian Dalli, Direttur Ġenerali għad-Dipartiment tal-Kuntratti, flimkien ma’ Yvan Duperray, Viċi President responsabbli mill-Marketing u s-Sales għal Nexans.