Il-Gvern Malti se jkun qed jistudja s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-qafas leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment.
Dan sabiex il-qafas regolatorju ta’ pajjiżna dwar iċ-ċittadinanza jkun konformi mal-prinċipji msemmija fis-sentenza.
Il-Gvern sostna dan fi stqarrija hekk kif il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ħarġet bid-deċiżjoni tagħha iktar kmieni llum.
Fl-istqarrija ġie sostnut kif sa minn Ottubru tal-2020, meta l-Kummissjoni Ewropea bdiet il-proċess li wassal għal dan il-każ kontra Malta fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti dejjem għamilha ċara li kien se jiddefendi dan il-qafas, anke għaliex kwistjonijiet marbuta ma’ ċittadinanza huma ta’ kompetenza nazzjonali. Dan hekk kif sar fl-aħħar erba’ snin u nofs.
Il-Gvern innota wkoll kif dan l-istess prinċipju kien ikkonfermat fir-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali, Anthony Michael Collins, ippubblikata fl-4 ta’ Ottubru tal-2024, li qal ukoll li ma kienx hemm każ kontra Malta. Hawn ġie nnutat ukoll kif il-Qorti Ewropea skartat ir-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali.
Ġie ċċarat ukoll kif d-deċiżjonijiet meħuda kemm ilu fis-seħħ il-qafas leġiżlattiv preżenti, kif ukoll dak ta’ qablu, jibqgħu validi.
Fl-istqarrija tiegħu il-Gvern Malti sostna wkoll li jibqa’ kburi bil-ġid iġġenerat minn dan il-qafas matul l-aħħar snin, tant li grazzi għalih il-pajjiż għandu fond nazzjonali ta’ investimenti u tfaddil għall-ħtiġijiet tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Hawn ġie sostnut ukoll li l-Gvern se jibqa’ kommess li jkompli jattira l-aqwa investiment li minnu jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi.
Dan anke fid-dawl li kemm ilu fis-seħħ dan il-qafas leġiżlattiv, jiġifieri mill-2015, ġie ġġenerat iktar minn €1.4 biljun fi dħul għall-pajjiż.
Il-Gvern Malti nnota wkoll li Malta ma kinitx l-uniku pajjiż li ħaddmet programmi simili u b’hekk il-Gvern temm jappella biex fil-passi li jridu jsegwu din is-sentenza, Malta tkun front wieħed magħqud u kulħadd jintrefa’ ’l fuq mill-partiġjaniżmu favur l-interess nazzjonali.
Dan jinkludi lill-Oppożizzjoni li ħadmet kemm felħet biex tagħmel ħsara massima b’mod partikolari fuq livell Ewropew, u timmina l-qafas ta’ pajjiżna anki fil-perjodu li l-Gvern Malti kien qed jiddefendi l-interessi nazzjonali f’din il-kawża fil-Qorti Ewropea tul dawn l-aħħar snin.
Aqra Aktar: