Tmenin sena ilu, fid-29 ta’ April 1945, is-7th Army tal-Istati Uniti lliberat il-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau, f’mument kruċjali fl-aħħar jiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Viċin Munich, Dachau kien l-ewwel kamp ta’ konċentrament Nażista, stabbilit fl-1933, u sar mudell għall-istess sistema krudili li segwiet. Meta waslu l-forzi Amerikani, sabu aktar minn 30,000 priġunier, ħafna minnhom qishom skeletri, morda, jew kważi mejta, miġbura f’kundizzjonijiet tal-waħx.
Id-Diviżjoni 42 tal-Infanterija, parti mis-7th Army, sabet vaguni tal-ferrovija mimlijin katavri u sabu jilqawhom irwejjaħ ta’ mewt u mard.
Is-suldati, baqgħu mistagħġba b’dak li raw. Dachau kien sar simbolu tal-krudeltà Nażista, fejn Lhud, dissidenti politiċi, il-poplu etniku Romani u oħrajn kienu sfurzati jaħdmu, jsofru esperimenti mediċi, u ġew maqtula b’mod sistematiku.
Il-liberaturi aġixxew malajr biex jipprovdu ikel, kura medika u sigurtà lill-superstiti, waqt li arrestaw il-gwardjani tal-SS li ma ħarbux.
L-aħbar tal-liberazzjoni ta’ Dachau xterdet malajr u saret evidenza ewlenija biex ikun mifhum aħjar l-olokawst wara l-gwerra. Ġurnalisti u fotografi ddokumentaw il-krudeltà, u għenu biex id-dinja tara x-xeni tal-ġenoċidju Nażista.
Għal ħafna Amerikani, il-liberazzjoni ta’ Dachau ikkonfermat l-importanza morali li kien jeħtieġ biex jiġi megħlub il-faxxiżmu.
Wara tmenin sena, il-liberazzjoni ta’ Dachau tibqa’ xiehda tal-kuraġġ tal-liberaturi, is-sofferenza tal-vittmi, u l-bżonn li niftakru l-istorja biex qatt ma terġa’ sseħħ traġedja bħal din.