It-timijiet tal-U15 u tal-U17 ta’ Swieqi Phoenix Handball, flimkien mal-ġinnasta Philippa Busuttil, huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Marzu.
It-tfajliet ta’ taħt il-15 u s-17-il sena ta’ Swieqi Phoenix Handball rebħu l-kompetizzjonijiet knock out rispettivi tagħhom u saru l-ewwel żewġ timijiet mill-istess klabb li rebħu dan l-unur. It-tim ta’ taħt il-15-il sena fil-finali għeleb lil Kavalieri Handball Club 20-9. It-tim ta’ taħt is-17-il sena kiseb it-tieni success f’dan l-istaġun meta fil-finali għeleb lill-istess Kavalieri 19-10. Ta’ min jgħid li t-tim ta’ taħt is-17-il sena ta’ Swieqi Phoenix Handball kienu ġew iddikjarati Champions tal-Kampjonat Nazzjonali fi Frar li għadda. Intant is-Sibt u l-Ħadd li għadda, iż-żewġ timijiet rebħu s-Super Cup u għal darb’oħra kontra Kavalieri.
Min-naħa l-oħra, Philippa Busuttil li għandha 16-il sena, u rebħet dan l-unur f’Ottubru tal-2023, kisbet it-tielet l-aħjar punteġġ fil-beam waqt il-Campionato A2 Ginnastica Artistica, fl-Italja. Il-ġinnasta żagħżugħa Maltija ħadet sehem f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża internazzjonali fost 48 parteċipanta oħra. Barra minn hekk hija ċ-champion tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika għat-tieni darba konsekuttiva.
Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lill-captains rispettivi ta’ Swieqi Phoenix Handball u lil Philippa Busuttil saret minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO ta’ Atlas Insurance, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti il-President Clinton Buhagiar u l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Intant, qabel din il-preżentazzjoni, Caden Tanti, wieħed mir-rebbieħa tax-xahar ta’ Frar, ingħata t-trofew waqt iż-żjara qasira li kellu f’Malta għall-eżamijiet tal-O-Levels.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.