Permezz ta’ wirja konvinċenti, Naxxar L. għelbu l-isfida ta’ Gzira U. bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima, biex b’hekk baqgħu jittamaw li staġun ieħor jilagħbu mal-elite tal-futbol Malti fil-Malta Premier.
Gzira kellhom lil Kurt Zammit sospiż wara akkumulazzjoni ta’ erba’ karti sofor, waqt li nieqes għalihom ukoll kien il-player Joseph Minala. Madankollu, huma kienu msaħħa bir-ritorn tal-player Brażiljan Thiago Espindola.
Min-naħa l-oħra, Naxxar kellhom lil Andrea Correa Martins sospiż, iżda rritorna għalihom minn sospensjoni, il-player żagħżugħ Nikolai Micallef.
Fl-34 minuta il-coach ta’ Naxxar George Vella kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player Brażiljan Maicon De Souza Silva biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Takuma Yamaguchi.
Kien biss fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, u li minnha Naxxar fetħu l-iskor permezz ta’ freekick mill-isbaħ tal-captain EDSON FARIAS CERQUEIRA li ħasad għal kollox lill-goalkeeper Taljan ta’ Gzira, Giulio Mangano.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Gzira u kulma jmur bdew iżidu fir-ritmu tal-logħob tagħhom, u fil-65 minuta Thaylor Aldama għadda tajjeb lejn is-sostitut Kevin Tulimieri li kellu xutt sabiħ minn pożizzjoni ideali jgħaddi jħakkek mal-wieqfa.
Iżda kienu Naxxar li ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal fid-79 minuta meta wara li rċieva minn freekick tal-ispeċjalista u Player tal-Logħba Edson Farias Cerqueira, il-player mis-Senegall BACARY SANE kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’xamma kbira għall-goal mill-viċin tefa’ ġewwa.
Lejn l-aħħar tal-partita, il-partita waqfet għall-ħin konsiderevoli (madwar għaxar minuti) wara li weġġa’ l-awtur tat-tieni goal Naxxari, Bacary Sane, li deher li qala’ daqqa ta’ ballun f’wiċċu, u kellu jinħareġ mill-ground b’ambulanza, b’postu jittieħed mis-sostitut Giuseppe Bonanno.
Naxxar L. komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Edson Farias Cerqueira (Naxxar L.)