“Kienet ġurnata li l-Maltin iġġieldu għall-ħelsien u għall-ħobż.” Hekk iddeskriva l-ġrajja tat-28 ta’ April tal-1958, Salvu Sant, li dakinhar kien membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Kien hemm numru ta’ raġunijiet għaliex dak l-istrajk organizzat mill-General Workers’ Union seħħ f’pajjiżna. Ftit jiem qabel, Dom Mintoff kien saħansitra rriżenja minn Prim Ministru u l-Ingliżi ħadu kontroll sħiħ tal-politika lokali.
“Dan kien hemm il-falliment tal-integration, kellek lill-Gvern Ingliż li kien ħa jagħlaq id-dockyard kien il-main state tal-ekonomija Maltija, kellek il-Kap tal-Pulizija De Gray li qal li kien jobdi lir-Reġina u mhux lill-Prim Ministru tiegħi u r-rifjut tal-Gvern kolonjali li ma riedx jiddiskuti Kostituzzjoni ta’ indipendenza għall-pajjiż.”
Salvu Sant, Eks membru tal-Eżekuttiv, PL
Salvu Sant irrakkonta ma’ ONE News kif, dakinhar filgħodu, kien mar il-Kottonera, iżda qalulu biex jitla’ lejn Raħal Ġdid.
Jispjega x’ġara dakinhar.
“U qalu telqet karozza tal-linja, kien hemm ħafna żgħażagħ, erba’ ġebliet u t-traffiku waqaf ma’ Malta kollha. Mintoff ħadem bi strateġija tmorrux il-Belt, kulħadd jibqa’ fil-belt jew raħal tiegħu. Allura, il-Pulizija, għalihom kienet ħasda għax is-soltu kulħadd jitla’ l-Belt u sparpaljaw b’tali mod li spiċċaw mingħajr forza u ġiet attakkata l-Għassa ta’ Bormla, Ħaż-Żabbar, Raħal Ġdid. Imbagħad, Raħal Ġdid kien hemm il-battle of Paola Hill, kienu anke ġew is-suldati.”
Salvu Sant, Eks membru tal-Eżekuttiv, PL
Qal kif Malta dakinhar kienet wieqfa għal kollox u wara dakinhar ġew arrestati xi żgħażagħ. Fost dawn Agatha Barbara.
“Dik il-ġurnata kienet ġurnata li l-Maltin iġġieldu għall-ħelsien l-ewwel u għall-ħobż, għax kellna l-għajxien tagħna ħażin u vera ġlieda għall-ħelsien bdiet hemm.”
Salvu Sant, Eks membru tal-Eżekuttiv, PL