Fix-xahar iddedikat lill-awtiżmu, tnieda l-proġett ACTIVATE, kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-għan li jsaħħaħ ir-rappreżentanza taż-żgħażagħ bl-awtiżmu u jinħoloq network biex ikollhom il-ħiliet neċessarji u l-għarfien biex jippromwovu d-drittijiet u l-bżonnijiet tagħhom.
It-tnedija ta’ dan il-proġett saret waqt konferenza indirizzata, fost l-oħrajn, mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, fejn ġie spjegat li l-proġett hu frott ta’ sħubija bejn sitt organizzazzjonijiet ewlenin minn madwar l-Ewropa.
L-iskejjel taħt il-proġett ACTIVATE se joffru kurrikulu speċjalizzat, li jinkludi spjegazzjoni ta’ x’inhu l-awtiżmu u l-impatt tiegħu, żvilupp tal-ħiliet ta’ komunikazzjoni u soċjali, tagħrif dwar kif individwu jista’ jiġġieled għad-drittijiet tiegħu f’diversi oqsma u sitwazzjonijiet differenti.

ONE News tkellem ma’ Tokyo Attard, li organizzat din il-konferenza, u, bħala persuna fuq l-ispettru tal-awtiżmu, spjegat li l-ambjent li għażlet għal din l-attività kien ukoll addattata għal persuni bl-awtiżmu.
“We chose this lighting because it’s not super light or harsh, we’ve got multiple small light sources instead of one big one. It’s soft, it’s yellow, I liked the carpeted floors, and I did end up using the British swip guidelines for accessibility as well.”
Tokyo Attard, Organizzatriċi ta’ Activate
Sadanittant, Alistair de Gaetano, Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv tal-Awtiżmu, tenna li, bis-saħħa ta’ dan il-proġett, qed iwasslu l-messaġġ li persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu jistgħu wkoll ikunu attivisti.
“Aħna riedna naraw li jkollna l-opportunità fil-proġett Ewropew, li nuru fil-firxa wiesa’ ta’ awtiżmu jistgħu jaħdmu wkoll ma’ persuni oħra kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta biex huma jħeġġu lil persuni oħrajn fil-firxa tal-awtiżmu biex huma stess ikunu attivisti fid-drittijiet tagħhom.”
Alistair De Geatano, Chairperson, Kunsill Konsultattiv

Il-Ministru Farrugia fissret kif proġetti, bħal dawn, joffru opportunitajiet għall-komunitajiet differenti biex jikbru flimkien u joħorġu bl-aħjar prattiċi.
“Proġett ta’ kwart ta’ miljun ewro li Malta hi l-lead ma’ numru ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej. L-għan hu li jkollna żgħażagħ li jkunu ta’ advocacies fuq dan is-settur u nemmnu li dan mhuwiex konferenza ta’ darba, imma legat li se jħalli impatt fuq kif l-inklużjoni tista’ tkun prattikata b’mod tanġibbli maż-żgħażagħ Ewropej ukoll.”
Il-Ministru Julia Farrugia