Deputati u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista kienu skomdi jwieġbu fuq l-aħħar diżgwid fid-Dar Ċentrali, din id-darba dwar is-settur tal-proprjetà. Dan wara li l-gazzetta KullĦadd żvelat kif il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija populista u qarrieqa dwar il-qasam mingħajr lanqas biss l-approvazzjoni tad-deputati konċernati.
Fil-fatt, kien uffiċjal għoli fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li tkellem ma’ dan l-istazzjon bil-kundizzjoni tal-anonimità, li qalilna li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għaddiet romblu minn fuq id-deputati tagħha stess, u xorta waħda ħarġet l-istqarrija fl-aħħar jiem wara li ma kienx hemm qbil bejniethom kollha.
Tant hu hekk li l-istqarrija ħarġet mingħajr il-firem tad-deputati konċernati.
Hu mifhum li l-kelliema konċernati ma qablux fuq il-messaġġ tal-istqarrija, għax kienet ovvja li l-Partit ried li jiżvijja lill-pubbliku. Dan billi jirkeb fuq titlu ta’ artiklu ta’ gazzetta indipendenti, li kien ukoll żgwida lill-pubbliku u spiċċa jinbidel ftit tal-jiem wara.
Fid-dawl ta’ dan, din il-kamra tal-aħbarijiet għamlet kuntatt mad-deputati kkonċernati, jiġifieri Ivan Bartolo, Bernice Bonello u Albert Buttigieg.
Fil-fatt, is-sors ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalilna li r-reżistenza kienet mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, Kelliem responsabbli tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, li ma riedx jiffirma l-istqarrija qarrieqa.
Bernice Bonello, li hi x-Shadow Minister responsabbli miż-żgħażagħ, qaltilna li kienet mgħarrfa bl-istqarrija, iżda f’botta ċara sostniet li l-Partit “jista’ joħroġ dak li jrid hu.”
“Konna nafu li se toħroġ stqarrija u ovvjament aħna nitkellmu bejnietna min-naħa ta’ Partit, imma ovvjament il-Partit jista’ joħroġ dak li jrid hu, fl-aħħar mill-aħħar.”
Bernice Bonello, Depiutat tal-PN
Bartolo, f’botta ċara oħra, naqas milli jagħmel tiegħu dik l-istqarrija u, minflok, ħeġġiġna nċemplu lil min kien responsabbli biex ħariġha.
“Din ma kienx hemm l-isem tiegħi, ħariġha l-Partit Nazzjonalista u jiena nissuġġerilek iċċempel lill-Uffiċċju Informazzjoni Partit Nazzjonalista.”
Ivan Bartolo, Deputat tal-PN
L-istess għamel Albert Buttigieg, li hu l-Kelliem għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali, bl-iskumdità tkompli tkun aktar evidenti.
“Jekk ħariġha l-Partit mingħajr ismijiet dik naħseb li etikament għandek tmur għand il-PRO tal-Partit u tistaqsi lilu.”
Albert Buttigieg, Deputat tal-PN
Kien hawnhekk li din il-kamra tal-aħbarijiet għamlet kuntatt mad-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Nathaniel Attard.
Skomdu wkoll, hu farfar ir-responsabbiltà fuq ta’ taħtu, madankollu rrimarka li kien jaf li l-istqarrija ma kinitx iffirmata mid-deputati responsabbli.
“Ma nafx x’għamlu, għax Christine (Amaira) kienet qed tieħu ħsieb din il-ġimgħa. Kont iċ-Ċina jiena ma tantx nista’ ngħinek … irrid nara daqsxejn x’kienet. Naf li ma kinitx iffirmata, irrid nara għalxiex.”
Nathaniel Attard, Direttur Komunikazzjoni, PN
Hawnhekk Attard irrefera għall-eks ġurnalista tan-NET u t-Times, Christine Amaira, li llum tagħmel parti mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Meta sar kuntatt magħha, Amaira daqqet diska differenti mill-bqija tal-persuni li sar kuntatt magħhom, hekk kif tenniet li d-deputati konċernati approvaw l-istqarrija, inkluż Ivan Bartolo.
Ġurnalist: “Ix-Shadow Minister li taħtu jaqa’ dan id-dekasteru qed nirreferi għal Ivan Bartolo kien approvaha? Jaqbel magħha din l-istqarrija?”
Christine Amaira: “Nolan, inti taħseb li l-Partit ħa joħroġ stqarrija mingħajr l-approval tad-deputati?”
Minkejja dan, sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon wara li saru dawn it-telefonati, sostnew kif dak li qed tgħid Amaira mhuwiex minnu, għax li kieku ħarġet l-approvazzjoni, kulħadd kien jagħmel tiegħu dik l-istqarrija.
Minflok kulħadd ra kif għamel biex jiddistakka ruħu minnha u jfarfar fuq ħaddieħor. L-istess sors spjegalna kif it-telefonati li għamel dan l-istazzjon qajmu paniku sħiħ fid-Dar Ċentrali hekk kif issa kulħadd jinsab f’pożizzjoni fejn ma jista’ jafda lil ħadd b’dak kollu li jkun għaddej fit-tmexxija tal-Partit.
Aqra Aktar: