Fil-ħames Kongregazzjoni Ġenerali mill-mewt ta’ Papa Franġisku, il-Kulleġġ tal-Kardinali ddeċidew li d-data għall-bidu tal-Konklavi se tkun is-7 ta’ Mejju li ġej.
Fil-fatt Kappell Sistina diġà ngħalqet sabiex isiru l-preparamenti ħalli ġo fiha, bl-aktar mod sigriet, il-Kardinali jivvutaw u jagħżlu s-Suċċessur ta’ Pietru.
Il-Knisja Kattolika għandha 252 Kardinal li ġew imsejħa f’Ruma wara l-mewt ta’ Franġisku nhar it-Tnejn li għadda. Minkejja dan huma 135 minnhom biss li għandhom id-dritt tal-vot biex jeleġġu Papa, hekk kif il-bqija għandhom aktar minn 80 sena.
Madanakollu, l-Arċisqof Emeritu ta’ Valencia, il-Kardinal Antonio Cañizares ta’ 79 sena mhux se jieħu sehem fil-Konklavi minħabba problemi ta’ saħħa. L-irtirar tiegħu jwaqqa’ n-numru ta’ Kardinali eletturi għas-suċċessur tal-Papa Franġisku minn 135 għal 134.