Skont il-kejl uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni materjali u soċjali f’pajjiżna reġgħet naqset għal 19.7% fl-2024 minn 19.8% sena qabel.
Fl-2013 din ir-rata kienet ta’ 24.6%. Dan jirrifletti tnaqqis drastiku fir-rata ta’ dawk f’sitwazzjonijiet ta’ ċaħda materjali u soċjali severa, li issa laħaq l-inqas livell qatt irreġistrat mindu bdiet tinġabar din l-istatistika.
Fl-2024 kienu biss 4% tal-Maltin u l-Għawdxin li kienu meqjusin f’qagħda ta’ ċaħda materjali u soċjali severa, imqabbel ma’ 4.1% sena qabel. Ta’ min ifakkar li fl-2021, minħabba l-pandemija, dan il-proporzjon kien laħaq il-5.4%. Biex b’hekk, fi tliet snin, aktar minn 5,000 persuna nħarġu minn din is-sitwazzjoni ferm vulnerabbli.
Dan in-numru hu sostanzjalment inqas milli kien 12-il sena ilu, bil-kejl użat dak iż-żmien li kien inqas rigoruż mil-lum.
Minkejja dan, dawk f’ċaħda materjali severa dak iż-żmien kienu xorta jammontaw għal 10.2%, darbtejn u nofs iżjed mir-rata tal-lum.
Dawk f’ċaħda materjali u soċjali mhux severa wkoll naqsu minn 9.2% fl-2023 għal 9.0% fl-2024. Dan ukoll jinsab fl-inqas livell qatt irreġistrat u kważi punt perċentwali inqas milli kien fl-2019.
Fl-2013, bil-kejl inqas rigoruż, din ir-rata kienet ta’ 19.9%.
Bil-maqlub ta’ dak li qed jiġri fostna, diversi pajjiżi Ewropej fl-aħħar snin raw żieda fir-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali u soċjali severa. Pereżempju, fil-Ġermanja, fl-aħħar tliet snin, din ir-rata żdiedet minn 4.3% għal 6.2%.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, id-dħul medju tal-familji wara t-taxxa is-sena li għaddiet kien ilaħħaq €38,236, li tfisser żieda ta’ €961 minn sena qabel.

Mill-2015 ’il hawn, ir-rata ta’ riskju ta’ faqar baqgħet stabbli waqt li r-rata tar-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqset, minkejja li d-dħul li bih jitkejlu dawn l-indikaturi żdied b’40%.
Fi kliem ieħor, ir-riga li biha jitkejjel il-faqar għoliet bi kważi €5,000 fi dħul, iżda r-riskju tal-faqar baqa’ stabbli u r-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas. Dan ifisser li ż-żieda fid-dħul qed tilħaq lil kulħadd u, b’hekk, naqset sostanzjalment iċ-ċaħda materjali u soċjali, inkluż dik severa.
Id-dħul, li fuqu qed jitkejjel ir-riskju tal-faqar fl-istqarrija tal-NSO, hu dak għall-2023. Għaldaqstant iż-żidiet li kien hemm fil-pensjoni, fiċ-Childrens’ Allowance, fil-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja u f’għexieren ta’ benefiċċji oħrajn is-sena l-oħra u din is-sena għadhom mhumiex riflessi fiċ-ċifri ppubblikati.
Raġuni ewlenija wara dan it-titjib kien l-investiment massiċċ li sar f’investiment soċjali. Tant li l-allokazzjoni fuq benefiċċji soċjali wasslet biex, fl-2024, 88,250 persuna ma jaqgħux f’sitwazzjoni ta’ dħul inqas minn 60% tal-medjan nazzjonali.
Minkejja dan it-titjib, xorta jibqa’ nies li jiffaċċjaw diffikultajiet u l-Gvern tenna li dawn se jibqgħu jiġu mgħejjuna.
Sadanittant l-istqarrija tal-NSO tindika wkoll li l-livell ta’ sodisfazzjon bil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, kejl ewlieni tal-Viżjoni Malta 2050, kompla jitjieb fl-2024.
Dan hekk kif dawk intervistati sostnew li kienu aktar sodisfatti kemm bis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, bix-xogħol preżenti tagħhom kif ukoll bir-relazzjonijiet personali tagħhom.
B’reazzjoni għal dan, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, sostna li, minkejja x-xejriet pożittivi, il-Gvern se jibqa’ sensittiv għall-bżonnijiet ta’ dawk li xorta għadhom f’diffikultajiet.
Il-Ministru Falzon qal li, għax il-Gvern konxju mill-bżonnijet tan-nies, se jibqa’ jdaħħal iżjed miżuri soċjali favur il-ħaddiema, il-pensjonanti u l-anzjani, il-familji bit-tfal, il-persuni b’diżabilità u persuni vulnerabbli oħra biex ikompli jtejjeb il-livell tal-għajxien ta’ kulħadd.