In-nuqqas ta’ ħaddiema għadu l-akbar uġigħ ta’ ras għan-negozji lokali, skont l-aħħar stħarriġ tal-Misco għall-ewwel kwart ta’ din is-sena.
L-istħarriġ, li jiġi kkummissjonat perjodikament mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji fost il-membri tagħha, kompla fuq l-istess tendenza ta’ dawk li saru s-sena li għaddiet, bi ftit varjazzjonijiet.
Rappreżentanti minn iżjed minn 400 negozju lokali, fil-maġġoranza assoluta fl-oqsma tal-bejgħ bl-ingrossa, il-manifattura, il-kostruzzjoni u l-makkinarju u l-produzzjoni u b’inqas minn 50 ħaddiem, ħadu sehem fl-istħarriġ onlajn bejn is-7 u t-18 ta’ dan ix-xahar.
Minn dawn 43% tennew li n-nuqqas ta’ ħaddiema hi l-akbar problema għalihom.
Għalkemm differenti minn sitwazzjonijiet ta’ bosta pajjiżi oħrajn Ewropej, ir-riżultat ukoll jenfasizza l-importanza tad-deċiżjonijiet u l-għaqal tal-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li mhux biss jindirizza l-kwistjoni ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi għal industriji fejn tassew huma meħtieġa, iżda wkoll li jwaqqaf mill-ġdid l-Istitut għas-Snajja’, li se jibda jopera fi ħdan l-MCAST mis-sena akkademika li jmiss f’Settembru li ġej.
Mistoqsijin jekk jagħmlux użu minn għodda tal-Intelliġenza Artifiċjali fin-negozju tagħhom, mal-51% minn dawk li ħadu sehem qalu iva, waqt li ftit inqas minn 30% minn dawk, li wieġbu fin-negattiv, stqarrew li biħsiebhom jagħmlu dan fit-12-il xahar li ġejjin.