Fl-ewwel 24 siegħa, huwa stmat li 20,000 persuna diġà żaru l-qabar ta’ Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma wara li nfetaħ għall-pubbliku l-Ħadd fis-7:00 ta’ filgħodu. Huwa ndifen hemm is-Sibt wara nofsinhar ftit wara li ntemm l-funeral li sar fi Pjazza San Pietru l-Vatikan.
Il-Ħadd żaru wkoll il-qabar membri mill-Kulleġġ tal-Kardinali qabel ma flimkien ingħaqdu fit-talb immexxi mill-Arċipriet u Kardinal tal-Litwanja Rolanda Makrickas.
Fuq xewqa tal-Papa stess, il-qabar huwa wieħed sempliċi ta’ rħam abjad bil-kelma Franciscus, isem il-Papa bil-Latin qrib ikona tal-Madonna li tant kien iħobb. Fuq il-ħajt ta’ warajh riproduzzjoni tas-salib li kien iġorr fuqu Papa Franġisku.
Papa Franġisku għażel li jindifen f’din il-Bażilika hekk kif dejjem kien jibda u jispiċċa l-vjaġġi papali tiegħu billi jżur u jitlob lil Madonna f’din il-Bażilika għall-illuminazzjoni. Anke dakinhar li ħareġ mill-isptar fit-23 ta’ Marzu għadda s’hemm biex poġġa bukkett fjuri bl-aħħar żjara tiegħu kienet propju fit-12 t’April.