Il-legat tal-Papa Franġisku għandu jkun dak li jkun hemm il-paċi fid-dinja, messaġġ li għadda tul ħajtu.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela f’kumment ma’ ONE News mill-Pjazza San Pietru fil-Vatikan, wara l-funeral ta’ Papa Franġisku.
Il-Prim Ministru nnota li fl-omelija kien hemm aċċenn għalkemm il-Papa ħaddan il-messaġġ tal-paċi madwar id-dinja.
“U laqatni mument waqt l-omelija llum, fejn ġie rrakkontat il-messaġġ tal-Papa Franġisku, fejn tidħol il-gwerra u t-tema tal-paċi u dik xi ħaġa li verament laqtitni kemm il-Papa Franġisku kien kontra l-gwerra u kemm kien jimmilita fuq il-paċi. Il-messaġġ li l-gwerra teqred l-umanità, teqred l-iskejjel, teqred l-isptarijiet, teqred lill-bnedmin u għalhekk dan il-messaġġ tant profond li smajna llum. U għalhekk dan il-messaġġ tant profond, li smajna llum, dak il-messaġġ li l-Papa għex tul ħajtu kollha u li jintensifikah aktar ma bdew iqumu kunflitti madwar id-dinja. Nemmen li jrid wieħed mil-legati b’saħħithom tiegħu, li aħna rridu nibqgħu ngħixu għalih.”
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif ir-reazzjoni tan-nies fl-omelija, meta ssemma l-messaġġ tal-Papa Franġisku dwar il-paċi kien wiehed pozittiv.
“Stajna naraw ir-reazzjoni tan-nies li kienu qegħdin hawnhekk meta ċ-ċelebrant għadda dak il-messaġġ, il-folla kif irreaġixxiet u allura evidenti ħafna, kemm il-popli ta’ madwar id-dinja jridu l-paċi li timxi ’l quddiem, iridu lilna bħala mexxejja dinjija li nsaħħu l-paċi madwar id-dinja u għalhekk, nemmen li bħala okkażżjoni tal-lum, filwaqt li kienet turija ta’ rispett, kienet ukoll sinifikanti għall-messaġġ li ħareġ minnha, messaġġ li rridu naħdmu ħafna fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela kien bħala parti mid-delegazzjoni Maltija, li kienet immexxija mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.
Bħala parti mid-delegazzjoni Maltija kien hemm ir-raġel tal-President Anthony Spiteri Debono, il-mara tal-Prim Ministru Lydia Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Preżenti wkoll fil-Vatikan kien hemm l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.