Fl-aħħar jiem, ġiet ippubblikata l-ewwel sejħa għal tender b’rabta mal-Paola Hub. Is-sejħa għal tender għal Project Management and Technical Supervisory Services ħarġet fit-30 ta’ Marzu fuq www.etenders.gov.mt.
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), li hija l-entità responsabbli minn dan il-proġett, se tkun wkoll qed torganizza laqgħat għal aktar informazzjoni dwar dan it-tender ma’ dawk kollha interessati, kif ukoll żjarat fuq is-sit tal-Paola Hub.
L-għan ewlieni ta’ dan it-tender huwa li l-kumpanija magħżula tkun tista’ tissorvelja d-disinn, kostruzzjoni, finishing, u tagħti l-handover taċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li permezz tas-sejħa ta’ dan it-tender, qegħdin nagħmlu pass ieħor għar-realizzazzjoni ta’ dan il-proġett kbir, fil-qalba tan-naħa t’isfel ta’ Malta – f’Raħal Ġdid. “Dan iċ-Ċentru mediku tal-ogħla livell se jkun qiegħed jaqdi ħafna mill-bżonnijiet mediċi tar-residenti tas-South mingħajr ma jkollhom il-ħtieġa li jmorru fl-isptar Mater Dei,” qal il-Ministru Chris Fearne.
Il-Paola Hub li se jkun mibni fuq 20,000 metru kwadru, u se jinkludi wkoll parkeġġ. Għal dan il-proġett, aktar kmieni din is-sena ġew approvati €33 miljun f’fondi Ewropej, filwaqt li l-proġett kollu mistenni jkun jiswa €39 miljun.