Fil-5:30 ta’ filgħodu nfetħet għall-pubbliku, il-Pjazza San Pietru fil-Vatikan, fejn se tingħata l-aħħar tislima lill-Papa Franġisku.
Fl-10 ta’ filgħodu se jsir il-funeral tal-Papa Franġisku li se jkun ikkonċelebrat mill-Kardinal Giovanni Battista Re, id-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali.
It-tebut se jinħareġ mill-Bażilika ta’ San Pietru għal Pjazza ewlenija tal-Vatikan. F’din l-istess Pjazza, fejn se jsir il-funeral se jkun hemm artar fuq barra.
Fuq ix-xellug, se jkun hemm il-Kardinali, waqt li fuq il-lemin se jkun hemm id-delegazzjonijiet internazzjonali. Fosthom dawk Maltin immexxija mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.
B’din iċ-ċerimonja għadha ddum madwar siegħa u nofs. Preżenti se jkun hemm 224 Kardinal u 750 qassis u isqfijiet. Fost dawn se jkun hemm l-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna.
Wara l-funeral, għall-ħabta ta’ nofsinhar, it-tebut b’ġisem il-Papa Franġisku se jmur lejn il-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, f’Ruma. Din kienet ix-xewqa tal-Papa Franġisku li jindifen f’din il-Bażilika, minħabba li qabel u wara kull vjaġġ Appostoliku, kien iżur hemmhekk biex jitlob. Huwa għamel dan ukoll ftit tal-jiem ilu, wara li ħareġ mill-isptar.