Resident mill-Imġarr li qal li qed jiktbilna f’isem residenti oħra qalilna li Festa Frawli qed tkun organizzata biex igawdu l-ftit għad-detriment ta’ ħafna. Ir-raħal tal-Imġarr huwa assoċjat mal-frawli u festa li ssir ta’ kull sena biex issir esebizzjoni ta’ dak kollu li jista’ jsir b’din il-frotta bnina li tiġbed l-eluf.
Iżda, xi residenti qed jgħidu li ma jifilħux iktar. Wieħed li kitbilna qal li jkunu ta’ assedju u li hi xi ħaġa li ilha għaddeja deċennju. “Jew titlaq mill-Imġarr kmieni jew tibqa’ d-dar ġurnata sakemm ma tmurx sa din il-festa,” qal ir-resident li lmenta magħna. Żied jgħid li l-Kunsill Lokali ma joffrix servizzi bażiċi filwaqt li jonfoq kemm jiflaħ biex jirreklama l-attività. “Anke dawk li għandhom garaxx ma tantx imorru tajjeb għax dawk li jiġu jimblukkaw l-entraturi,” żied jgħid dan ir-resident.
Naturalment, hemm oħrajn li ma jaqblux miegħu. Bħalissa huma diversi l-Imġarrin li qed jipprepraw għal dan il-jum u ħafna jifmuha li fuq kollox din hi ta’ darba f’sena. “Hemm min ikollu jgħaddi minn ftit sagrifiċċju kull nhar ta’ Ħadd minħabba monti fir-raħal. Aħna għaliex ħa niftħu kwistjoni fuq xi ħaġa ta’ darba f’sena,” qalilna attivist li tkellimna miegħu.
“Naturalment nappellaw lil dawk li jiġu jirrispettaw lir-residenti wkoll, iżda kulħadd irid jieħu ftit paċenzja b’xulxin,” temm jgħidilna.