Il-Viżjoni Malta 2050, li tnediet fl-aħħar jiem u tinsab għall-konsultazzjoni pubblika, tqis lin-nies bħala nies. Dan kien il-messaġġ ta’ editorjal tat-Times of Malta li ttratta din il-viżjoni.
Bit-titlu ‘People are not just economic contributors’, l-editorjal jagħti elenku tal-prinċipji li l-Viżjoni Malta 2050 se tkun qed tħaddan, b’mod partikolari, dak li tħares lil hinn minn numri ekonomiċi biss.
Dan l-editorjal faħħar il-fatt li din il-viżjoni, minħabba l-miri dettaljati li għandha, se tkun qed tgħolli l-livell ta’ kontabbiltà fejn jidħol it-twettiq tal-politika lokali.
Il-ġurnal elenka l-fatt li, jekk pajjiżna jimxi fuq l-indikaturi msemmija, fosthom l-Indiċi tal-Benesseri u l-Indiċi tal-Iżvilupp Uman tal-Ġnus Magħquda, se jkun qiegħed jieħu kont ukoll ta’ aspetti oħrajn li l-kejl tradizzjonali tal-Prodott Gross Domestiku ma jikkunsidrax.
Fl-isfond ta’ għadd ta’ miri prinċipali, fosthom kif id-dħul medjan għandu jiżdied biex jiżboq il-medja tal-Unjoni Ewropea, l-editorjal awgura li l-viżjoni tiġi implimentata b’suċċess u, jekk dan ikun il-każ, din se sservi ta’ ġid kbir għall-pajjiż kollu.